L-ISIS jeqirdu monasteru Nisrani ta’ 1,400 sena

Monasteru Nisrani ta’ iktar minn 1,400 sena fl-Iraq inqered għal kollox minn militanti tal-Istat Iżlamiku.
Ritratti bis-satellita juru li fejn qabel kien hemm il-monasteru ta’ Sant’Elija, fuq għolja qrib Mosul, issa hemm biss borġ ġebel.
Il-monasteru kien l-eqdem tat-tip tiegħu fl-Iraq u nbena qabel il-bidu tal-Iżlam.
Kien binja sinjifikanti, b’26 kamra nkluż santwarju u kappella. Sa Ġunju tal-2014 kien jintuża mis-suldati Amerikani bħala post tal-kult imma mbagħad spiċċa f’idejn l-Istat Iżlamiku.
Saċerdoti fl-Iraq qed juru biża’ li l-qerda ta’ postijiet Insara ta’ qima, mill-Istat Iżlamiku, hu mod ieħor kif il-militanti jkeċċu lill-Insara.
Sadattant, aħbar mis-Sirja tgħid li l-militanti ħelsu 270 mill-400 persuna li ħatfu l-ġimgħa li għaddiet. Fosthom hemm nisa u tfal taħt l-14-il sena.