L-ISIS jattakkaw monasteru Ortodoss fuq is-Sinai

Irġiel armati fetħu n-nar fuq post tal-Pulizija Eġizzjana ħdejn il-Monasteru  ta’ Santa Katarina fis-Sinai, aktar kmieni dan ix-xahar. Fl-attakk inqatel pulizija u erba’ oħra sfaw feruti. L-ISIS ħadu responsabbilta’ għal dan l-attakk. Wara l-attakk it-terroristi ħarbu minn fuq il-post b’uħud minnhom feruti minn tiri sparati mill-pulizija.
Il-patrijiet li kien hemm fil-monasteru li jinsab xi kilometri bogħod minn fejn kien hemm il-pulizija qalu li semgħu xi sparar iżda ma saret ebda ħsara la fil-monasteru u anqas lilhom. F’kumment lil media Eġizzjana, Fr Gregorius qal li ma jistax jgħid b’ċertezza li l-mira tal-attakk kien il-monasteru u jista’ jkun li fil-mira tal-Jihadisti kien hemm il-pulizija nfushom.
Il-Monasteru ta’ Santa Katarina li jinsab taħt il-Muntanja Sinai, bħalissa hemm fih madwar 20 patri Griegi Ortodossi u hu meqjus bħala l-aktar monasteru Kristjan antik li għadu attiv u fl-2002 l-UNESCO iddikjaratu sit ta’ wirt dinji minħabba l-arkitettura Biżantina tiegħu, il-kollezzjoni prezzjuża ta’ ikoni li hemm fih u ħafna manuskritti antiki.
F’Ottubru tal-2014 il-Monasteru ta’ Santa Katerina kien ċaħad informazzjoni dwar allegati attakki fuq gruppi Islamiċi.
It-terroriżmu mill-Jihadisti fis-Sinai kien immirat primarjament lejn il-pulizija u s-suldati.  Fi Frar li għadda il-Jihadisti qalu li qatlu seba’ membri tal-Komunita’ Kristjana Kopta.  Dan wassal biex mijiet ta’ familji Kopti ħarbu mir-reġjun.
Il-Professur Mohamed Mokthtar Gomaa, Ministru tal-Affarijiet Islamiċi (Awqaf) iddikjara li l-attakki fuq il-knejjes huma komparabble ma’ attakki fuq moskei u d-difiża tal-insara u l-knejjes tagħhom “hi parti mid-dutrina Musulmana”.