L-ISIS jattakka moskea oħra fil-Bangladesh

L-Istat Iżlamiku ħa r-responsabiltà ta’ attakk fuq moskea Xiita fil-Bangaldesh li fiha nqatel raġel u tlieta oħra sfaw midruba.
Dan hu t-tieni attakk f’xahar fuq il-komunità żgħira Xiita f’dal-pajjiż.
Tlett irġiel daħlu fil-moskea u bdew jisparaw bl-addoċċ.
Minkejja li hu pajjiż Musulman, il-Bangladesh ra żieda qawwija fil-vjolenza tal-Iżlamisti radikali, bil-ħtif u qtil ta’ diversi, inkluż barranin.
Intant, l-Arabja Sawdita ħabbret li se toqtol 55 terrorist ikkundannati għandha, f’dak li qed jitqies bħala twissija lil min irid jissieħeb fil-ġiħad.
Uħud minn dawk li qed jiffaċċjaw is-sentenza tal-mewt kienu affiljati mal-al-Qaeda.
Għal xi ħin, anke ġurnal onlajn, meqjus semi-uffiċjali, ippubblika l-aħbar, imma mbagħad neħħiha.
Skont Amnesty International, l-Arabja Sawdita din is-sena qatlet 150 ruħ, il-parti l-kbira tagħhom bi qtugħ ir-ras fil-pubbliku.