L-ishma ta’ Nintendo jitilfu l-valur wara tnaqqis fil-profitti

L-ishma ta’ Nintento, il-kumpanija Ġappuniża magħrufa għal video-games, esperjenzaw tnaqqis fil-valur hekk kif matul din il-ġimgħa il-kumpanija rrapurtat tnaqqis ta’ 10 fil-mija fil-profitti.
Nintendo ħabbret li l-profitti operattivi għat-tieni kwart tas-sena kien ta’ 27.4 biljun yen, ferm il-bogħod mill-istima ta’ 40 biljun skont kif maħduma minn Refinitiv. Is-suq tal-ishma irreaġixxa b’mod negattiv għal dawn l-aħħar aħbarijiet mill-kamp ta’ Nintendo tant li effettwa il-prezz tal-ishma tal-kumpanija bi 3 fil-mija. Minkejja li Nintendo baqgħet b’saħħita fil-bejgħ tal-Iswitch console, liema bejgħ żdied fl-aħħar snin, in-nuqqas ta’ logħob ġdid li jiġbed il-massa qed iħalli impatt fuq ir-riżultati finanzjarji tal-kumpanija.
Intant Nintendo mistennija joħorġu fis-suq f’Settembru li ġej verżjoni ‘light’ tan-Nintendo Switch, din il-console diġà qed tgħati indikazzjonijiet li se tkun suċċess tant li l-pre order tagħha inħataf fi ftit sigħat.

Riżultati tajbin għal Coca-Cola


Fil-ġranet li għaddew l-ishma tal-Coca Cola esperjenzaw żieda rekord hekk kif il-kumpanija ħabbret riżultati tajbin fit-tieni kwart tas-sena. Dawn ir-riżultati kienu aħjar minn dawk imbassra. Coca Cola qed tkompli tkabbar id-diversità tal-prodotti tagħha tant li issa qed tbiegħ fir-Renju Unit laned tal-ready to drink bil-kafe’ bħala parti mil-prodotti li joffri Costa Coffee. Din hija l-ewwel mossa ta’ importanza li daħħlet Coca Cola minn mindu xtrat il-brand ta’ Costa Coffee iktar kmieni din is-sena. Coca Cola iffinalizzat ix-xiri ta’ Costa Coffee f’Jannar ta’ din is-sena. Coca-Cola mistennija tkabbar it-tqassim tal-prodotti ġodda tagħha f’aktar swieq internazzjonali.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.