L-ishma fis-swieq finanzjarji internazzjonali jkomplu neżlin fil-prezz

Statistika negattiva dwar iċ-Ċina kif ukoll l-istennija ta’ referendum fi Krimea fl-Ukraina wasslu sabiex l-prezz tal-ishma f’bosta swieq internazzjonali komplew neżlin. Il-prezz tal-bonds baqa’ f’livelli għolja u saħansitra kien hemm fejn żdiedu fil-prezz. Kollox jindika li l-investituri qed jippreferu jmorru għal bonds milli għal ishma f’dan il-perjodu ta’ nuqqas ta’ stabbilità f’bosta reġjuni.
 
L-indiċi tas-suq Ġermaniz magħruf bħala DAX jinsab fl-iktar livell baxx għal din is-sena. Kien ilu ma jkun hemm tnaqqis simili fis-suq Ġermaniż sa minn Jannar 2012. Is-suq Ingliż magħruf bħala FTSE 100 jinsab fl-inqas livell tiegħu għal dawn l-aħħar erba’ ġimgħat. In-Nikkei, cioe is-suq tal-indiċi Ġappuniż ukoll niżel sabiex jinsab fil-livelli li kien f’Novembru. Għal kuntrarju l-prezz tad-deheb jinsab fl-ogħla livell tiegħu għal din is-sena. Madankollu is-swieq Amerikani ma rawx dan it-tnaqqis qawwi hekk kif kompliet toħroġ statistika pożittiva dwar l-ekonomija Amerikana.
 
Il-munita unika Ewropeja, l-ewro tinsab fl-aqwa livell tagħha kontra d-dollaru Amerikan għal dawn l-aħħar sentejn u nofs. Riżultati pożittivi fiz-zona ewro u l-mod kif l-Bank Ċentrali Ewropew qed ifassal il-politika monetarja tiegħu jidher li qed iwasslu għal dan.
 
Kumpaniji esposti għas-suq Russu raw tnaqqis għal darb’oħra matul din il-ġimgħa.Il-kumpanija Finlandiża li tesporta tyres lejn ir-Russja bl-isem ta’ Nokian Renkaat rat tnaqqis ta’ 1.5% filwaqt li l-manifattur tal-birra Carslberg rat tnaqqis ta’ 1.3%.
 
L-Istati Uniti u l-Ewropa komplew jheddu lir-Russja li jieħdu sanzjonijiet finanzjarji kif ukoll twaqqif ta’ visas ghal xi individwi Russi. Ir-Russja reġat wieġbet li se taħtaf l-assi ta’ kumpaniji u individwi Ewropej u Amerikani li jinsabu ġewwa ir-Russja f’din l-eventwalità.

L-hekk msejjħa troika, li hija komposta minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropej u l-Fond Monetarju Internazzjonali temmew il-laqgħat ġewwa Ateni mal-Gvern Grieg. Issa jmiss li l-banek Griegi jiġu privatizzati. L-ewwel indikazzjonijiet huma li hemm interess qawwi kemm minn investituri Amerikani u mill-Lvant Nofsani.

Il-prezzijiet taċ-ċereali jinsabu fl-ogħla livelli għal din is-sena hekk kif kompla l-inkwiet fl-Ukraina. Hekk kif l-Apple kompliet iżżied il-bejgħ tagħha fis-swieq emerġenti, għad-detriment ta’ Samsung, l-ishma ta’ dawn ta’ l-aħħar niżlu matul din il-ġimgħa.
 
Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250