L-isfidi tal-Universitarji Għawdxin ikomplu jikbru minħabba t-trasport

Il-Grupp Universitarju Għawdxi (GUG) stqarret ir-rabja li għandha lejn in-negliġenza min-naħa tal-kumpanija tat-trasport Malti. Il-GUG spjegat kif l-Għawdxin li qed jistudjaw ġewwa l-Università ta’ Malta jsibuha diffiċli biex iqumu kmieni, jaqsmu għal Malta bil-vapur, u jaqbdu x-xarabank miċ-Ċirkewwa għall-Imsida għal-lekċers ta’ filgħodu.

Saħqet li l-isfidi għall-istudenti Għawdxin qed ikomplu jikbru minħabba li x-xarabank tar-rotta X1 tasal tard. Il-Grupp stqarr li kienu rrappurtati numru ta’ każijiet fejn l-istess xarabank tar-rotta X1 waslet tard b’aktar minn 20 minuta.

Il-GUG stqarret li l-istudenti Għawdxin huma ambizzjużi u jaħdmu ħafna biex jiksbu s-suċċess fl-iskola. L-inadegwatezza min-naħa tax-xufiera li jaslu tard qed taffettwa l-progress akkademiku ta’ dawn l-istudenti minħabba li huma jieħdu riskju li jaslu tard għal-lekċers jew għal xi eżami.

Il-Grupp qal li l-bieraħ ir-rotta X1 kienet mistennija li tibda fid-9:00am. Iżda minflok, ix-xarabank jidher li waslet kwarta tard u l-istudenti li rikbuha waslu tard għal-lezzjonijiet. Il-GUG stqarret li dan kien każ ta’ negliġenza min-naħa tal-kumpanija tat-trasport Malti u ma kinitx problema minħabba t-traffiku. Kien hemm numru ta’ xarabanks vojta pparkjati ċ-Ċirkewwa u li setgħu nntużaw biex jibdew ir-rotta u jevitaw il-problema li ħafna studenti Għawdxin kellha jaffaċċjaw mill-ġdid.

Il-GUG saħqet li l-istudenti jrid ikollhom il-fiduċja li x-xarabank se tasal u titlaq fil-ħin, biex huma wkoll jaslu fil-ħin għal-lekċers tagħhom. F’Diċembru li għadda l-GUG kienet iltaqgħet ma’ uffiċjali ta’ Transport Malta fejn esprimiet dawn l-isfidi u x’jista’ jsir biex titjieb is-sitwazzjoni.