L-isfidi tal-bdiewa Maltin u Għawdxin fil-Parlament Ewropew

Il-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li matul l-aħħar ġimgħat iltaqa’ ma’ diversi bdiewa u produtturi biex jisma’ l-ħsibijiet tagħhom u ressaq ukoll xi proposti fil-Parlament Ewropew.
Zammit Dimech qal li l-bdiewa żgħażagħ ibatu minn diffikultajiet bl-aċċess għall-art.
Fi stqarrija, Zammit Dimech qal li l-politika li jmiss dwar l-agrikoltura għandha tappoġġja aħjar lill-bdiewa żgħażagħ biex ikun assigurat il-futur tal-produzzjoni tal-ikel Ewropew. Dwar dan, Zammit Dimech propona inizjattivi li jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ biex ikollhom aċċess għat-terren, li jinkludi ppjanar tas-suċċessjoni.
L-MPE qal li bdiewa li qed jiffaċjaw sfidi żejda minħabba restrizzjonijiet speċifiċi minħabba li ġejjin minn gżejjer u minn reġjuni partikolari, għandhom jingħataw konsiderazzjonijiet speċifiċi.
Zammit Dimech qal li l-bdiewa esprimew id-diżappunt tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mad-dewmien fil-pagamenti. Dwar dan, saħaq li l-politika l-ġdida għandha twassal għal finanzjament aktar effiċjenti.
Skont Zammit Dimech “il-bdiewa qed jinsistu wkoll għal kumpens ġust għal dak li jiproduċu, kif ukoll għal ugwaljanza fost il-bdiewa, li jinkludu l-bdiewa li ġejjin minn familji żgħar.“
Zammit Dimech qal li se jassigura li l-baġit attwali għall-agrikoltura jiżdied.