“L-isfida tal-immigrazzjoni llegali fuq Malta hi qawwija ħafna” – Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-isfida tal-immigrazzjoni llegali fuq Malta hi qawwija ħafna. Waqt laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Malti u s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Ban Ki-moon, intqal li Malta qed tinsisti mas-sħab tagħha fl-Unjoni Ewropea għal soluzzjoni ġusta u konkreta.

Il-Prim Ministru Malti semma fatturi li jridu jiġu indirizzati, fost oħrajn, is-sehem tas-Somalja u l-fruntieri tal-Libja. Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda qal li jista’ jifhem il-problema ta’ Malta bħala l-ewwel pajjiż li spiss isib l-immigranti li jitilqu mill-Afrika ta’ Fuq.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Ban Ki-moon tkellem dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja fejn diġà mietu 100,000 persuna filwaqt li 7 miljun ruħ kellhom jaħarbu minn fejn kienu. Il-Prim Ministru Joseph Muscat esprima l-qbil tiegħu mal-viżjoni tal-Ġnus Maqgħuda favur deċiżjoni politika u mhux militari.

Ritratti: DOI – Omar Camilleri