L-isfida sportiva ta’ HSBC Malta tappoġġja lil Fondazzjoni Wirt Artna

Read in English.

Il-Bank HSBC Malta qed jagħmel għotja ta’ €4,400 lil Fondazzjoni Wirt Artna (FWA) wara li 40 impjegat ħadu sehem fl-isfida sportiva ta’ ġbir ta’ fondi bl-isem “Let’s move together”, li saret fl-aħħar ta’ Settembru bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Il-Fondazzjoni se tuża l-fondi fl-iżvilupp tal-Park Naturali tal-Kosta tar-Rinella, li se jkun l-uniku park naturali fir-Reġjun tal-Port.

L-isfida rat l-impjegati tal-bank jimxu u jiġru fit-toroq u l-ibħra ta’ Malta u Għawdex, fejn kollettivament qadfu fuq 300 kilometru, ġrew u mxew kważi 800 kilometru, u għawmu 8 kilometri. Il-punti ġġenerati mill-impjegati matul l-isfida ġew ikkonvertiti fi flus u l-bank ikkontribwixxa biex għaqqad id-donazzjoni totali.

Il-fondi mogħtija se jappoġġjaw il-ħsad, il-konservazzjoni u r-riċiklaġġ tal-ilma tax-xita fil-Park Naturali tal-Kosta tar-Rinella. Il-fondi se jgħinu wkoll lill-FWA biex tixpruna ‘l quddiem bil-pjanijiet tagħha li tibni għadira biex tattira għasafar tal-baħar u biex tinkoraġġixxi l-propagazzjoni ta’ insetti, biex tistabbilixxi doqqajs tan-naħal u tibda l-produzzjoni tal-għasel, kif ukoll biex tħawwel aktar siġar.

Caroline Buhagiar Klass, Kap tar-Riżorsi Umani u Sostenibbiltà Korporattiva ma’ HSBC Malta, qalet: “Wara s-suċċess ta’ avveniment simili li sar f’Ġunju li għadda fejn inġabru fondi b’risq s-Salib l-Aħmar ta’ Malta, HSBC iddeċieda li jerġa’ jgħin lill-impjegati fl-isforzi tagħhom biex jappoġġjaw kawżi ġusti lokalment. Minkejja l-isfidi kollha li kulħadd kellu jiffaċċja din is-sena, huwa ta’ kuraġġ li tara lin-nies jibqgħu attivi u li għadhom jaħsbu dwar kif nistgħu nikkontribwixxu aktar għall-komunità tagħna. “

Matul l-isfida, il-parteċipanti użaw applikazzjonijiet bil-mowbajl biex jintraċċaw l-attivitajiet u jżommu reġistru preċiż tal-eżerċizzju tagħhom. Il-parteċipanti ħadu screenshots biex jikkalkulaw il-punti, kif ukoll biex jaqsmu s-suċċessi tagħhom ma’ xulxin.

Fonazzjoni Wirt Artna Logo

Dan it-tagħrif twassal minn HSBC Malta.