L-isfida Malta Meat Free Week tibda għada t-Tnejn

Għat-tielet sena konsekuttiva VeggyMalta qed torganizza l-isfida Malta Meat Free Week. Din is-sena numru rekord ta’ individwi diġà rreġistraw biex jieħdu l-isfida li tibda nhar it-Tnejn 5 u tibqa’ sejra sal-Ħadd 11 ta’ Ottubru.

It-tema prinċipali għal Malta Meat Free Week 2020 hija “kun parti mis-soluzzjoni biex Inslavaw il-Pjaneta”.

Matul il-lockdown tal-COVID-19 rajna li l-ambjent jista’ jirkupra jekk inbiddlu l-mudelli u listil ta’ ħajja tagħna. Aħna ilkoll għandna nirrealizzaw li hemm konnessjoni diretta bejn l-ikel li nieklu u t-tibdil fil-klima, il-qerda tal-foresti tropikali u t-telf tal-abitat u tal-biodiversità. B’mod xokkanti, it-trobbija tal-bhejjem tieħu 26% tal-art kollha fid-Dinja u hija wkoll marbuta direttament mal-qerda tal-foresti tropikali bħan-nirien fl-Amazon li jsiru biex jagħmlu spazju għat-trobbija tal-bhejjem.

Il-koordinatur tal-VeggyMalta u Malta Meat Free Week Darryl Grima qal li “l-biedja tal-laħam u talħalib tikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima daqs il-karozzi, ferroviji, ajruplani u vapuri kollha flimkien!

Billi taqleb għal dieta ibbażata fuq il-pjanti jew saħansitra billi tnaqqas il-konsum tal-laħam u tal-ħalib tiegħek, tista’ tkun parti mis-soluzzjoni biex insalvaw l-pjaneta tagħna! Li tmur mingħajr laħam hija l-iktar ħaġa ambjentali li individwu jista’ jagħmel. “Huwa għalhekk li nitolbu lin-nies jagħmlu l-isfida u jmorru ġimgħa mingħajr laħam. 6 miljun annimal jinqatlu kull siegħa għall-ikel madwar id-dinja. Tant huma kbar dawn in-numri li nnumru ta’ mammiferi domestiċi huwa ferm akbar min-numru ta’ mammiferi slavaġ. Biex ma nsemmux ukoll l-aspett li ħafna minn dawn l-annimali jgħixu f’kundizzjonijiet terribbli.

Anke din is-sena Malta Meat Free Week irnexxielha tinvolvi diversi kumpaniji minn importaturi u bejjiegħa bl-imnut u ristoranti f’dan l-għan komuni. Fil-fatt, diversi ħwienet inklużi s-supermarkits ilkbar u l-ħwienet online madwar Malta u Għawdex għażlu li jappoġġjaw l-inizjattiva u se jkunu qed joffru prodotti mingħajr laħam bi prezzijiet mraħħsa. Madwar 50 ristoranti qed jipparteċipaw u jagħmlu offerti addizzjonali mingħajr laħam għall-klijenti tagħhom għall-ġimgħa.

Dawk li jixtiequ jissieħbu fl-isfida jistgħu jagħmlu dan billi jmorru fuq
maltameatfreeweek.com u jissieħbu online. Din is-sena qed noffru weekend break fir-Ramla Bay Resort għal 2 persuni bħala premju għal xi ħadd li jtemm l-isfida. L-inizjattiva għandha wkoll paġna fuq facebook. Il-kampanja hija sponsorjata minn Alpro u Valsoia bħala sponsors ewlenin u Sheese (ġobon vegan), Misura Privolat (magħmulin mingħajr ħalib u bajd), Good Earth u Bird’s Eye Green Cuisine (alternattivi għal-laħam) bħala sponsors. Huwa importanti li n-nies li jipparteċipaw jimmarkaw maltameatfreeweek fuq facebook jew Instagram bir-ritratti tagħhom.

Dan it-tagħrif twassal minn veggymalta.com