L-isfida hi li tisma’ dak li ħaddieħor ma jitkellimx dwaru – Il-Papa Franġisku

Daħlet fir-raba’ jum tagħha ż-żjara tal-Papa Franġisku fil-Korea t’Isfel, bil-Kap tal-Knisja Kattolika llum stieden lill-Knisja sabiex tkun versatili u kreattiva.
Hekk kif indirizza madwar 70 Isqof mill-Asja, il-Papa spjega li d-djalogu u li kulħadd ikun aċċettat kienu minn dejjem essenzjali fl-identità tal-Knisja Kattolika.
Tul id-diskors tiegħu, il-Papa Franġisku ma poġġiex fuq it-tron li kien preparat għalih iżda minflok qabad il-mikrofonu u niżel ħdejn is-siġġijiet tal-Isqfijiet.
Il-Papa Franġisku appella biex il-komunikazzjoni ma tkunx minn naħa waħda iżda saħaq fuq l-importanza li jkun hemm qlub u mħuħ miftuħa li lesti jaċċettaw l-individwi u l-kulturi differenti.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika enfasizza l-bżonn ta’ djalogu hekk kif qal li llum l-isfida mhix li nisimgħu dak li ħaddieħor għandu xi jgħid iżda dak li ħaddieħor ma jitkellimx dwaru fosthom l-esperjenzi, l-aspirazzjonijiet, it-tbatijiet u l-inkwiet.
Aktar kmieni dalgħodu, il-Papa Franġisku għammed lil Lee Ho Jin, missier waħda mill-vittmi tal-inċident tal-vapurett f’Sewol f’April li għadda.
Ho Jin kien akkumpanjat minn ibnu u bintu għaċ-ċerimonja, bl-isem li ngħata l-Korean kien Franġisku.  
Qassis Korean, l-interpretu tal-Papa, ikkonċelebra filwaqt li kien il-Papa innifsu li għammed lil Ho Jin, kif kien wegħdu.
Il-Papa deher ferħan li ħa sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni spontanja, speċjalment għaliex tgħammed raġel Korean.