L-Isfida għall-Knisja fl-Afrika hi li tegħleb id-dnub tat-tribaliżmu

Il-kriżi etnika u tribali li laqtet id-djoċesi Niġerjana ta’ Ahiara, hi biss il-quċċata tal-problema, skont it-teologu Donald Zagore, missjunarju tas-Soċjetà tal-Missjonijiet Afrikani.
L-Isqof ta’ Ahiara, Mngs. Peter Ebere Opkalaeke, irriżenja mill-uffiċċju episkopali tiegħu għax is-saċerdoti u l-lajċi ma laqgħuhx bħala Isqof tagħhom.
It-teologu Zagore jgħid li meta fil-Knisja Kattolika, li l-essenza tagħha hi l-għaqda u l-fraternità, il-membri jkunu mifruda għal raġunijiet etniċi u tribali, irridu nistaqsu lilna nfusna “fhimna sew xi tfisser il-fidi tagħna fi żmienna”?
“Sfortunatament nirrealizzaw, jum wara l-ieħor, li l-kultura u l-etniċità tat-tribù għadha aktar b’saħħitha mill-ilma mbierek tal-magħmudija.
Fl-Afrika, il-paradigma ta’ ‘Il-Knisja hi l-Familja t’Alla’, ħafna drabi ma tagħmel ebda sens u kultant anke tidher qisha farsa.  Qed nimxu 'l hinn mill-Knisja Familja t’Alla għal Knisja Tribali. Dan ma hu Nisrani xejn”, sostna t-teologu.
Fr Zagore jkompli jgħid: It-tribaliżmu bl-ebda mod ma hu xi karatteristika tal-Knisja ta’ Kristu. L-uniku valur hu x-xewqa li naqdu 'l Alla billi naċċettaw ix-xewqa tiegħu. Xewqa li ninħabbu u ngħixu flimkien.  Bħal Kristu, irridu nirrifjutaw kategorikament li nħallu lilna nfusna nibqgħu mxekkla u marbuta mal-ktajjen tribali u etniċi, ninfetħu għall-univers, għal kull raġel u mara, irrispettivament mill-oriġini kulturali, razzjali jew etnika.
Kif jgħid San Pawl: fi Kristu la hemm Lhudi u lanqas Grieg. La hemm skjav u lanqas bniedem ħieles. La hemm raġel u lanqas mara. Intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu.
"Għalhekk hemm bżonn li fl-Afrika jsir b’urġenza ħafna xogħol pastorali effettiv f’din id-direzzjoni", isostni t-Teologu Zagore.