L-isem ‘Meghan’ jiżdied fil-popolarità

Meghan huwa wieħed mill-aktar ismijiet li qed isir dejjem aktar popolari fl-Istati Uniti għal trabi bniet skont informazzjoni maħruġa mill-Amministrazzjoni tas-Sigurtà Soċjali.

L-aġenzija dan ix-xahar ħarġet il-lista uffiċjali tal-aktar ismijiet popolari li ngħataw lit-trabi matul l-2018. L-isem Meghan jidher li telgħa total ta’ 701 post minn fuq is-sena ta’ qabel. Bosta qed jgħidu li dan propju minħabba l-influwenza li ħalliet Meghan Markle wara li żżewġet lill-Prinċep Harry u saret id-Dukessa ta’ Sussex.

Qed jingħad ukoll li Markle jaf tkompli tinfluwenza l-ismijiet li jagħtu l-ġenituri lit-trabi ġodda tagħha wara l-isem li tat lit-tarbija tagħha u tal-Prinċep Harry. Archie Harrison Mountbatten-Windsor twieled fis-6 ta’ Mejju.

Intant jidher li f’Malta, Markle ma tantx għamlet effett fl-2018 hekk kif l-ismijiet l-aktar popolari għall-bniet kienu Emma, Mia u Valentina.

Aqra: Għandek wieħed mill-iktar ismijiet popolari fl-2018?