L-iscreening fuq il-vapur t’Għawdex waqaf – Camilleri

Il-Ministeru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar fil-Parlament li l-iscreening għall-Covid-19 li kien qed isir għal dawk kollha li jaqsmu bejn iż-żewg gżejjer waqaf. 

Għal mistoqsija supplimentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, Camilleri qal li wara laxkar ta’ restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex u l-introduzzjoni ta’ miżuri oħra, il-proċedura tat-teħid tat-temperatura tneħħiet.

Camilleri spjega li hemm limitu ta’ numru ta’ nies li jitilgħu fuq il-vapur. In-nies iridu jilbsu visor jew inkella maskra, kemm fit-terminals, kif ukoll waqt li jkunu fuq il-vapur.

Ir-risposta ta’ Camilleri kienet ilha tkarkar ġimgħa hekk kif il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru kien qal li ma kienx infurmat li dan il-proċess tat-teħid tat-temperatura waqaf. L-istqarrija wasslet lid-Deputat Nazzjonalista Chris Said biex jikkummenta fuq il-mezzi soċjali li “ħaġa tal-iskantament qalli li mhux infurmat li waqaf – u dan minkejja li bħali jaqsam kważi kuljum bejn Malta u Ghawdex.”

Il-Ministru ħabbar ukoll li l-vapur Gaudos se jerġa’ jinġieb lura aktar tard dan ix-xahar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn