L-iScouts ta’ Ħ’Attard diżappuntati b’vandaliżmu

Il-membri tal-iScouts ta’ Ħ’Attard jinsabu diżappuntati ferm wara li inizjattiva tagħhom spiċċat fil-mira tal-vandali. Żewġ banners li twaħħlu f’toroq differenti inqerdu minn xi ħadd li ma jidhirx li hu entużjast li l-iScouts isaħħu l-ħidma tagħhom fil-lokalità. Żebgħa twaddbet lejn wieħed mill-banners filwaqt li ieħor iċċarrat u twaddab wara ċint.

Kelliem għall-iScouts ta’ Ħ’Attard li tkellem ma’ Newsbook qal li l-attività li kienet qed tiġi reklamata fuq il-banners hija ‘car wash’ li se ssir is-Sibt li ġej fi Ġnien Palma, ħdejn l-iskola primarja. L-iskop hu li bil-flus li jinġabru l-iScouts ikomplu bil-ħidma volontarja mat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lokalità.