L-iscouts ta’ Birkirkara jisseparaw l-iskart fis-sit tal-kampijiet

Il-grupp tal-Iscouts ta’ Birkirkara ħareġ b’inizjattivi ġodda sabiex jiġi sseprat l-iskart b’mod iktar effettiv.

Fi stqarrija maħruġa mill-grupp, intqal li introduċew tmien modi ta’ kif jissepara l-iskart fis-sit tal-kampijiet f’Baħar iċ-Ċagħaq, kif ukoll irranġaw il-post fejn jintrema l-iskart u biddlu r-regoli tas-sit stess biex jinkludu separazzjoni responsabbli.

Dawn l-azzjonijiet qed jgħinuhom jaqtgħu bin-nofs l-iskart, li s-soltu jintrema fil-boroż is-suwed.

Barra minn hekk, l-istess grupp żied bins tar-riċiklaġġ maġenb dawk tal-iskart ġenerali.

L-inizjattiva ġiet wara li pparteċipaw fil-ġimgħa Ewropea favur it-tnaqqis fl-ammont ta’ skart (EWWR 2017).

Il-cubs ġew mgħallma dwar is-separazzjoni tal-iskart u kellhom ukoll l-opportunità li joħolqu xi affarijiet, propju permezz ta’ oġġetti riċiklati.