L-ISBNs u l-ISMNs issa mingħajr ħlas

Read in English.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħabbar li mill-bieraħ, l-1 ta’ Jannar, l-ISBNs u l-ISMNs kollha se jibdew ikunu bla ħlas. Dawn huma kodiċi unika li tingħata lill-kotba (ISBN) u pubblikazzjonijiet tal-mużika (ISMN).

Intant, il-Kunsill sostna li r-regoli u l-istandars li mxew bihom fil-passat se jibqgħu kif kienu. Dan ifisser li min japplika għal  ISBN jew ISMN irid jibgħat il-formola tas-soltu lil Micheal Mercieca fuq Michael.mercieca@gov.mt inkella bil-posta fuq dan l-indirizz: ISBN – Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Librerija Ċentrali Pubblika, Triq Prof. Joseph J. Mangion, il-Furjana, FRN 1800.

Il-formola tal-applikazzjoni għall-ISBN tista’ tniżżilha minn hawn, filwaqt li l-formola tal-ISMN tista’ tniżżilha minn hawn.

Il-Kunsill spjega li kull min jirreġistra għall-ISBN jew l-ISMN irid jipprovdi lill-aġenzija tal-ISBN il-minimu tal-metadata meħtieġa għall-ISBN jew l-ISMN. Dan kif mitlub mill-manwal dwar l-istandard tal-ISBN. Il-metadata ma tistax tinbidel ladarba l-ISBN jew l-ISMN ikun ħareġ u jekk ikun hemm xi tibdil wara, mela jkun irid jinħareġ kodiċi ieħor.

Il-bejgħ mill-ġdid jew ridistribuzzjoni tal-ISBN u l-ISMN mhux permess.

Il-Kunsill qed jitlon aktar kooperazzjoni min-naħa tal-applikanti meta jaslu fil-fażi biex jinbidlu l-ISBN u l-ISMN mal-metadata relevanti. Qal li jekk l-applikant ma jżommx mal-proċeduri tal-aġenzija tar-reġistrazzjoni tal-ISBN, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li ma jassenjax aktar elementi ta’ reġistrazzjoni jew pubblikazzjoni lill-applikant. Il-Kunsill għandu wkoll id-dritt li jwaħħal il-multi.