“L-isbaħ rigal li tistgħu ttuni f’għeluq snini hu li….” – Fr Martin Micallef

Fr Martin Micallef

Awguri lil Fr Martin Micallef, direttur ta’ Dar tal-Providenza li llum qed jiċċelebra għeluq sninu.

F’messaġġ li għamel fuq il-paġna tal-profil tiegħu fuq Facebook Fr Micallef irringrazzja ‘l Alla għad-don tal-ħajja u għall-grazzji kbar li tah f’ħajtu. Qal li hu trabba f’familja b’valuri tajba, sejjaħlu biex jaqdieħ bħala saċerdot, iltaqa’ ma’ ħafna nies li kienu ta’ ispirazzjoni għalih u rċieva minn għandhom ħafna mħabba u rispett. 

“Din is-sena nirringrazzjah b’mod speċjali għall-grazzja tal-fejqan mill-kanċer,” qal hu.

“L-isbaħ rigal li tistgħu tagħtuni fil-birthday ta’ din is-sena hu li min jista’ jmur jagħti d-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa. Meta kont qed nagħmel it-trattament kelli bżonn tliet boroż demm. Filfatt aktar minn 30% tat-trasfużjonijiet tad-demm isiru lil pazjenti fit-taqsima tal-onkoloġija u l-ħematoloġija.

Il-pazjenti morda bil-kanċer ikun jinħtiġilhom trattamenti li kapaċi jieħdu s-snin u dan jinkludi fost oħrajn trasfużjonijiet ta’ prodotti varji ta’ demm. Illum naf mill-esperjenza x’differenza tista’ tagħmel borza demm fit-triq għall-fejqan mill-kanċer. Naf li bħalissa hemm bżonn urġenti ta’ ħafna demm. Taħsibiex darbtejn u mur agħti demm,” kiteb Fr Martin Micallef.

Fil-messaġġ tiegħu żied igħid li l-ogħti tad-demm li xi ħadd li ma tafx min hu jew min hi, hu ġest nobbli ħafna. Irringrazzja li dawk il-persuni li b’mod anonimu taw id-demm lilu. 

“Il-Mulej iroddilkom għal mitt darba l-karita’ tagħkom. L-ogħti tad-demm hu ukoll sinjal tal-providenza ta’ Alla. Kun providenza għal ħaddieħor,” temm jgħid il-messaġġ tiegħu.

Ad multos annos Fr Martin.