L-irwoli tal-AĠ se jinqasmu; Il-PN irid iżjed riformi

DOI - Jason Borg

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar illum li l-Gvern se jippubblika l-ewwel passi legali lejn id-diviżjoni fl-irwoli tal-Avukat Ġenerali.

Il-Ministru spjega li t-test legali se jiġi ppubblikat fil-25 ta’ Marzu u dan jibda l-proċess lejn is-separar tal-irwol tal-prosekuzzjoni u l-irwol konsultattiv li għandu l-Avukat Ġenerali. Il-pożizzjoni tal-AĠ ilha tokkupa dawn iż-żewġ irwoli mill-1936. Din il-bidla għandha titlesta sal-waqfa li jieħu l-Parlament fis-sajf tal-2020.

Din id-deċiżjoni ġejja mill-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet legali li għamlet il-Kummissjoni Venezja s-sena l-oħra, meta ppreżentat numru ta’ suġġerimenti lill-Gvern sabiex jimmodernizza s-sistema ġudizzjarja u jqassam il-poteri fl-uffiċċji politiċi b’mod ugwali.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici spjega li l-Gvern avża lil uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans, u l-Kummissarju għall-Ġustizzja Vera Jourová, bid-deċiżjoni tal-Gvern.

L-ittra sħiħa tista’ taqraha hawn.

Huwa kompla jgħid li l-Gvern jappoġġja r-riforma proposta, iżda dawn il-bidliet għandhom jiġu implimentati permezz ta’ bidliet kostituzzjonali biss, u dan jista’ jsir jekk 2 terzi tal-membri parlamentari jaqblu magħhom. Għalhekk, dan jista’ jsir permezz ta’ konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni Parlamentari.

Barra minn dan, Bonnici qal ukoll li għandu jkun hemm diskussjonijiet fuq bidliet leġiżlattivi oħra li jikkonċernaw l-irwoli tal-Ombudsman, tas-Servizz Ċivili, jiġifieri tas-Segretarji Permanenti, ta’ persuni f’pożizzjonijiet ta’ fiduċja, ta’ Kummissjonijiet Indipendenti u tal-Pulizija.

“Il-Gvern kellu jaċċetta r-riformi” – PN

Intant, fi stqarrija tal-Oppożizzjoni ffirmata mill-Kap Adrian Delia, dan qal li l-Gvern għamel snin sħaħ jirreżisti r-riformi meħtieġa, minkejja l-Partit Nazzjonalista kien ilu jirrakkomandahom. Skont il-PN, issa li l-Kummissjoni Venezja elenkathom, il-Gvern kellu jċedi u jaċċetta li jagħmel dawn ir-riformi.

Il-PN wiegħed li hu se jassigura li r-riformi jsiru. Huwa lmenta wkoll dwar il-fatt li sa Ġunju, rakkomandazzjoni waħda biss se tkun tlestiet.