L-irwol tal-Kap tal-Oppożizzjoni hu gvernat mill-Kostituzzjoni – Giovanni Bonello

Read in English.

Dr Giovanni Bonello, eks Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, qal li s-sezzjoni relevanti tal-Kostituzzjoni bħalissa hija Artiklu 90(4). Dr Bonello qal li dan l-artiklu jirregola l-ħatra u t-tneħħija tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Skont Dr Bonello, huwa prinċipju bażiku ta’ interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni – li artikli mill-Kostituzzjoni ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jikkontradixxi lill-ieħor. L-interpretazzjoni li tirbaħ għandha tkun dik li tippermetti li l-proviżjonijiet kostituzzjonali jibbilanċjaw lil xulxin u joħorġu sens minn xulxin.

Dawn il-kummenti Dr Bonello għaddiehom lil Newsbook.com.mt wara li fl-aħħar sigħat, għadd ta’ persuni bdew jiddiskutu l-kwistjoni kurrenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, issa li l-President ġie avviċinat minn Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista sabiex ineħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni u jaħtar lil Therese Comodini Cachia minfloku. Dr Bonello fiehem li dan l-artiklu jaħdem bl-istess mod li jiffunzjona l-artiklu kostituzzjonali dwar it-tneħħija u l-ħatra tal-Prim Ministru.

L-eks Imħallef kompla jispjega li għalkemm iż-żewġ Sub-Artikli (2) u (4) jirregolaw il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni mill-President, dawn jistipulaw mekkaniżmi differenti. Huwa ċar, skont Dr Bonello, li dawn jirreferu għal xenarji differenti.

Filwaqt li l-ewwel xenarju huwa dak tal-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni fil-bidu tal-leġiżlatura wara elezzjoni ġenerali, it-tieni xenarju hu dwar il-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni f’nofs il-leġiżlatura. Dan isir meta l-President jirrikonoxxi li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għadx għandu l-fiduċja tal-maġġoranza tal-membri fl-oppożizzjoni tal-Gvern. F’dal-każ, temm jgid, il-mekkaniżmu stabbilit minn Sub-Artiklu 4 jidħol fis-seħħ, u l-proviżjonijiet taħt Sub-Artiklu 2 isiru irrelevanti.