L-Irlanda tippjana bidliet dwar l-ivvjaġġar fi żmien il-Covid-19

REUTERS/Jason Cairnduff/File Photo

L-Irlanda ħabbret regoli ġodda li x’aktarx jaqtgħu lill-Greċja u l-Italja, destinazzjonijiet popolari ħafna għall-vaganzi, minn ‘lista ħadra’ ta’ pajjiżi fejn mhux meħtieġa li ssir kwarantina, u fejn se jibqgħu applikabbli uħud mill-aktar restrizzjonijiet stretti fuq l-ivjaġġar fl-Ewropa fis-seħħ għal xahar ieħor. 

Pajjiżi li għal dawn l-aħħar 14-il jum kellhom rata ta’ infezzjoni ta’ COVID-19 ta’ anqas minn 25 għal kull 100,000 persuna se jitpoġġew fuq Lista Ħadra, fejn vjaġġaturi li jaslu minn dawn il-pajjiżi jkunu eżentati milli jagħmlu kwarantina ta’ 14-il ġurnata mal-wasla tagħhom fl-Irlanda. 

Fil-bidu l-lista ħadra kienet magħmula minn pajjiżi li għandhom rati ta’ infezzjoni aktar baxxi minn dik tal-Irlanda, imma l-gvern ma baqax jaġġorna din il-lista f’Awwissu meta r-rata ta’ infezzjoni fl-Irlanda żdiedet b’rata qawwija, u ma kienx hemm bdil f’din il-lista ta’ 10 pajjiżi minn dak iż-żmien. 

Il-gvern għadu ma ppublikax il-lista l-ħadra l-ġdida, imma biss 10 minn 31 pajjiż li qed jiġu sorveljati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard kellhom ċifri ta’ anqas minn 25 każ għal kull 100,000 persuna nhar it-Tlieta. 

Il-Greċja u l-Italja, li kienu fuq il-lista attwali, għandhom ċifri ogħla minn dan il-livell. 

Ryanair, kumpanija li bdiet proċeduri legali biex tipprova tisforza lill-gvern jerħi r-restrizzjonijiet fil-pajjiż, ikkundannat l-istqarrija ta’ nhar it-Tlieta bħala waħda li tipprovdi “aktar dewmien u indeċiżjoni”. 

Din heddet li tagħlaq il-bażijiet tagħha fit-tieni u t-tielet l-akbar ajruporti fil-pajjiż, Shannon u Cork, għax-xitwa jekk ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar ma jintreħewx.

L-Irlanda rreġistrat 48.5 każ għal kull 100,000 persuna tul dawn l-aħħar 14-il jum, is-17 l-ogħla rata fost il-31 pajjiż li qed jiġu sorveljati mill-ECDC. 

Il-Prim Ministru Micheal Martin qal li l-Irlanda qed tippjana li tadotta sistema koordinata tal-UE għal restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar ladarba dawn jiġu approvati matul laqgħa tal-ministri tal-UE li se ssir fit-13 ta’ Ottubru. 

Abbozz ta’ linji gwida ppublikat aktar kmieni dan ix-xahar jissuġġerixxi li dawn jeliminaw ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar għal pajjiżi b’rata ta’ infezzjoni fuq 14-il jum ta’ anqas minn 50 każ għal kull 100,000 persuna.