L-Irlanda bl-aqwa prestazzjoni ekonomika tas-sena

Sa ftit snin ilu l-Irlanda kienet fost dawk il-pajjiżi magħrufa bħala PIGS – jiġifieri l-Portugall, l-Irlanda, il-Greċja u Spanja, li raw kollass ekonomiku u finanzjarju tant li kellhom jiġu salvati minn bailout tal-Unjoni Ewropea.
Iżda filwaqt li t-tliet pajjiżi l-oħra għadhom qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi, tkabbir kajman u qgħad, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Irlanda.
It-Tigra Ċeltika rreġistrat tkabbir qawwi għat-tieni sena konsekuttiva, u b’żieda ta’ aktar minn 6% tal-Prodott Gross Domestiku, kellha l-aqwa prestazzjoni ekonomika fost il-pajjżi tal-UE u l-aktar pajjiżi żviluppati fid-dinja.
Dan it-tkabbir ġej minn diversi setturi, kuntrarju tal-bidu tas-snin 2000, fejn l-ewwel il-kostruzzjoni u wara s-suq tal-proprjetà kienu jiddominaw l-ekonomija. Kemm setturi domestiċi, iddominati minn SMEs Irlandiżi, kif ukoll l-esportazzjoni, ġeneralment minn kumpaniji multinazzjonali, irreġistraw tkabbir.
Il-Gvern Irlandiż qed juża din is-sitwazzjoni biex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż, tant li d-dejn hu mistenni li sa tmiem din is-sena jinżel għal taħt il-100% tal-Prodott Gross Domestiku – minn 125% fl-2013. Dan qed iwassal biex filwaqt li sa ftit ilu l-bonds tal-Gvern kienu jrendu imgħax sostanzjali, dan ix-xahar il-Gvern irnexxilu jbiegħ biljun ewro f’bonds li jagħlqu 15-il sena f’livell mill-aktar baxx ta’ 1.8%.
Dan is-suċċess hu dovut primarjament għall-valur baxx tal-ewro li saħħaħ l-esportazzjoni, il-prezzijiet baxxi taż-żejt li rrendew l-ekonomija aktar kompetittiva u t-tnaqqis fit-taxxi.
Aktar problemi fiċ-Ċina
L-agħar bidu tas-sena għas-swieq Ċiniżi fl-aħħar 20 sena kompla jiggrava hekk kif l-ishma ewlenin komplew neżlin ’l isfel, b’mod partikolari wara żvalutar ieħor tal-munita nazzjonali, il-yuan, mill-bank ċentrali.
L-agħar ġurnata ta’ din il-ġimgħa kienet l-Erbgħa, fejn l-Indiċi CSI 300, tilef 7.2% mal-ftuħ tiegħu, li wassal biex it-trading twaqqaf ħesrem wara inqas minn 30 minuta.
Fl-ewwel ġimgħa tas-sena, l-Indiċi diġà tilef aktar minn 12%. Wara dan, issejħet laqgħa straoridnatrja tar-regolatur Ċiniż, li introduċa b’urġenza regoli ġodda. Dawn ir-regoli qed jirrestrinġu l-bejgħ mill-azzjonisti l-kbar, miżura li ma ntlaqgħitx tajjeb mill-investituri.
Filwaqt li l-għan tal-Bank Ċentrali huwa li b’yuan inqas b’saħħtu jagħti spinta lis-settur tal-esportazzjoni, dan qed iwassal għal spekulazzjoni li t-tnaqqis tal-ekonomija Ċiniża qed isseħħ b’rata ferm akbar minn dak muri mid-data uffiċjali. Dan qed jibda jħalli impatt fuq ekonomiji kbar madwar id-dinja fosthom fl-Istati Uniti u fl-Ewropa u wassal għal tnaqqis f’ishma marbuta mal-commodities (bħal żejt, azzar u aluminju) madwar id-dinja billi ċ-Ċina hija fost l-akbar importatriċi ta’ dawn il-prodotti.
Filwaqt li hemm analisti ekonomiċi li qed jgħidu li ċ-Ċina sempliċiment qed tistabilizza ruħha minn livelli ferm għoljin għal livelli aktar sostenibbli, oħrajn qed iwissu riperkussjonijiet aktar ħorox, bl-investitur biljunarju George Soros jilmenta li bl-azzjonijiet tagħha ċ-Ċina qed tittrasferixxi l-problemi tagħha fuq il-bqija tad-dinja.
Huwa sostna li l-impatt tas-sitwazzjoni attwali fiċ-Ċina mhix wisq differenti mill-fatturi li wasslu għall-kriżi globali fl-2008.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment