“L-irġulija ta’ Falzon u Mallia tordom l-irġulija tal-Gvernijiet Nazzjonalista” – Muscat

B’referenza għar-riżenja tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li taħt dan il-Gvern lesta li tintrefa’ r-responsabbiltà.
Preżenti għat-taħdita, li saret fil-Gżira, fid-distrett li fih ħarġu Manwel Mallia u Michael Falzon, kien hemm preżenti Michael Falzon, li ntlaqa’ b’ċapċipa minn dawk preżenti.
Muscat qal li l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq l-irġulija imma l-irġulija ta’ Mallia u Falzon “tordom l-irġulija ta’ kull Gvern Nazzjonalista f’25 sena”.
F’indirizz lil Falzon u Mallia, Muscat qal li Simon Busuttil “jixtieq li għandu nies bħalkom” u ssokkta jgħid li se jkun hemm nies min-naħa tal-Opożizzjoni li se jingħaqdu fil-moviment għax qed jaraw li hu moviment tal-futur għall-pajjiż.
Irringrazzjahom minn qalbu ta’ ħidmietu u awguralhom snin twal ta’ ħidma.  
Tkellem dwar il-kwistjoni tal-governanza, fejn qal  li ma jiddejjaq xejn li jindirizzaha bis-serjetà.
Fi kliemu, il-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu l-ebda awtorità morali li jitkellem dwar governanza tajba għax għażel li joqgħod kwiet u ma jitkellimx fi żmien li kien Viċi Kap u l-awtur tal-manifest elettorali tal-partit meta ħarġu każi ta’ korruzzjoni politika. 
Matul id-diskors tiegħu elenka l-ħidma li saret matul dawn it-tliet snin, fosthom childcare b’xejn, ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iż-żieda fil-pensjonijiet, u l-bidla li għamel fl-enerġija.
Huwa qal li l-Gvern impenja ruħu biex ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku tkun l-akbar waħda fl-Ewropa, in-numru tal-qgħad jinżel għall-inqas ammonti fl-istorja u d-defiċit ikompli jonqos.  
Reazzjoni PN: 
Fi stqarrija l-Partit Nazzjoanlista qal li l-Partit Laburista qiegħed jifraħ b’rix ħaddieħor.
B’referenza għall-profit li għamlet il-kumpanija Gozo Channel, qalu li kien possibbli għaliex Gvern tal-PN investa fi tliet vapuri ġodda u terminals fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr.
Il-PN qal li l-Gvern Laburista fi tliet snin m’għamilx ċentezmu ta' investiment fl-aċċessibbilità bejn iż-żewġ gżejjer u dan minkejja l-wegħdi dwar l-aċċessibilità fil-programm elettorali.