“L-irġiel għandhom dritt javviċinaw mara” – Catherine Deneuve

L-attriċi Franċiża Catherine Deneuve qalet li l-irġiel għandhom ikunu liberi li jersqu lejn in-nisa.
Deneuve hija waħda minn 100 mara Franċiża li għandhom fama u li ngħaqdu f’ittra miftuħa jwissu dwar “puritaniżmu” ġdid li skonthom qed jerfa’ rasu wara l-aħħar skandli ta’ fastidju sesswali.
L-istess ittra saħansitra tikkundanna l-aħħar mewġa ta’ rapporti li saru wara l-allegazzjonijiet li Harvey Weinstein, producer famuż tal-films, abbuża sesswalment għadd ta’ atturi nisa.
Weinstein ċaħad li xi darba kellu rapport sesswali ma’ mara oħra mingħajr il-kunsens tagħha.
Minkejja din l-ittra miftuħa, l-attriċi Franċiża ammettiet li l-aġir tiegħu kkawża ħafna ħsara.
Fl-ittra, li ġiet ippubblikata fuq il-gazzetta Franċiża Le Monde, Deneuve u nisa oħra jgħidu li ħafna rġiel tkeċċew minn xogħolhom “għax kull ma għamlu kien li missew sieq xi ħadd jew ippruvaw jisirqu bewsa.”
L-ittra tkompli tgħid li “l-istupru huwa reat kriminali imma li tipprova tisseduċi lil xi ħadd, anke jekk tippersisti, mhuwiex.”
Fl-aħħar xhur, għadd ta’ rġiel u nisa li spiċċaw abbużati jew iffastidjati sesswalment bdew jirrakuntaw l-esperjenzi tagħhom fuq il-midja soċjali u jorbu dawn l-istejjer flimkien permezz tal-hashtag #MeToo.
Il-ġimgħa li għaddiet, aktar minn 300 attriċi, kittieba u diretturi tal-films ta’ Hollywood ingħaqdu flimkien fi proġett biex jiġġieldu l-fastidju sesswali fl-industrija tal-films u fil-postijiet kollha tax-xogħol.