L-irdum ta’ Ħad-Dingli mifni biż-żibel

Għalkemm f’Malta hawn is-servizz ta’ ġbir ta’ skart goff li jiġi sal-bieb tad-dar, bosta huma dawk li jippreferu jarmu skart goff barra milli jagħmlu telefonata għal dan is-servizz.
Ritratt li qed idur fuq il-midja soċjali juri ammont kbir ta’ skart goff mormi fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli, fosthom tankijiet u tajers tal-karozzi.
Ma’ Newsbook.com.mt is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Sandro Azzopardi qal li għalkemm mir-ritratt wieħed ma jistax jikkonferma jekk is-sit jaqax fil-konfini tal-lokal, il-Kunsill jiddeplora dan l-aġir irresponsabbli.
Apparti s-servizz ta’ ġbir ta’ skart goff, is-Sindku sostna li l-Kunsill jaħdem b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tat-Tindif biex inaddfu postijiet pubbliċi.
L-inizjattivi ambjentali Żibel u Let’s Do It Malta qed jaħdmu biex flimkien mal-pubbliku jnaddfu siti naturali f’Malta li qed jinfnew b’rimi irresponsabbli ta’ żibel.
Ritratti: Matthew Pellicano