L-Iraq jiddikjara rebħa fuq l-Istat Iżlamiku

L-Iraq iddikjara li ġiet fi tmiemha l-gwerra tiegħu kontra dak li jsejjaħ lilu nnifsu l-Istat Iżlamiku.
Il-Prim Ministru Haider al-Abadi indirizza konferenza f’Bagdad u matulha qal li t-truppi Iraqqini ħadu l-kontroll totali tal-fruntiera bejn l-Iraq u s-Sirja.
F’din iż-żona, l-Istat Iżlamiku kien għad għandu kontroll ta’ ftit villaġġi, wara li f’Novembru li għadda tilef ukoll il-belt ta’ Rawa.
Al-Abadi għamel din l-istqarrija jumejn biss wara li l-militar Russu ddikjara li ġiet fi tmiemha l-missjoni tiegħu li jeqred lill-Istat Iżlamiku fis-Sirja.
Lura fl-2014, il-militanti rnexxielhom jieħu f’idejhom bliet importanti fl-Iraq u s-Sirja  u ddikjaraw kalifat b’ordnijiet stretti fuq madwar 10 miljun persuna.
Iżda jidher li fl-aħħar sentejn, l-Istat Iżlamiku beda jnaqqas mill-qawwa tiegħu u fl-aħħar xhur tilef il-belt strateġika ta’ Mosul fl-Iraq u aktar dak Raqqa fis-Sirja.
Qed jingħad li wħud mill-militanti ħarbu lejn postijiet imbiegħda fis-Sirja u oħrajn irnexxielhom jaħarbu mill-fruntiera Torka.