L-Iran twissi lil Trump kontra l-ħruġ mil-ftehim nukleari

Il-President Iranjan, Hassan Rouhani wissa lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump sabiex ma joħroġx mill-ftehim Tehran iffirmat mill-poteri dinjiji fl-2015. Qallu li jekk jagħmel dan se jkollu jaffaċċja “konsegwenzi kbar”.
Trump kien qal li jekk l-alleati Ewropej ma jirraġawx dawk li qed isejjħilhom “difetti orribbli” sat-12 ta’ Mejju, se jreġġa lura s-sanzjonijiet ekonomiċi fuq l-Iran, u b’hekk ikun qed jaffetwa b’mod negattiv lill-ftehim ta’ bejn il-pajjiżi.
Il-pajjiżi l-oħra li ffirmaw dan il-ftehim jinkludu r-Russja, iċ-Ċina, l-Ġermanja, r-Renju Unit u Franza. Huma qalu li jridu jippreservaw il-ftehim li kien qed iżomm lura l-programm nukleari tal-Iran.
Il-President Iranjan qal li jekk xi ħadd jitradixxi l-ftehim, se jkollhom jaffaċċjaw konsegwenzi kbar. Sostna li l-Iran qed tikkunsidra s-sitwazzjonijiet kollha possibbli.
Bħalissa, il-President Franċiż Emmanuel Macron jinsab Washington fejn qed jipprova jikkonvinċi lil Trump sabiex ma jwaqqax il-ftehim.
Ritratt: Reuters