L-Iran jirreaġixxi għas-sanzjonijiet ġodda tal-Istati Uniti

Ġurnata biss wara li l-Istati Uniti neħħiet is-sanzjonijiet kontra l-Iran, minħabba l-programm nukleari tiegħu, reġgħet daħħlithom fis-seħħ, din id-darba minħabba missili li żviluppa l-Iran.
L-Istati Uniti qed tgħid li dawn jistgħu jkunu ta’ theddid għas-sigurtà fir-reġjun u fid-dinja.
Bis-sanzjonijiet il-ġodda, 11-il entità u individwi mhux se jitħallew jużaw is-sistema bankarja Amerikana.
L-Iran irreaġixxa b’dikjarazzjonijiet qawwija fosthom li l-missili qatt ma tfasslu b’mod li jġorru armi nukleari, u li s-sanzjonijiet mhumiex leġittimi, la mil-lat legali u lanqas morali.
L-Iran saħaq li l-Istati Uniti tbiegħ b’għexieren ta’ biljuni ta’ dollari fis-sena f’armi lil pajjiżi fir-reġjun tiegħu, u li qed jintużaw kontra Palestinjani, Libaniżi u Jemeni.
Ġurnata qabel iddaħħlu s-sanzjonijiet ġodda, l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika vverifikat li l-Iran rażżan l-attivitajiet nukleari tiegħu, skont ftehim milħuq iktar kmieni, u seħħ skambju ta’ priġunieri.
Is-sanzjonijiet tħabbru eżatt malli l-ajruplan bi priġunieri Amerikani ħalla l-Iran.
Skont il-President Iranjan, “kull azzjoni se ġġorr reazzjoni”.