“L-ippjanar fl-Awtorità tal-Ippjanar jinsab fl-isem biss” – Portelli

Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Ippjanar Marthese Portelli saħqet li għalkemm Malta għandha Awtorità tal-Ippjanar, il-kelma ppjanar tinsab biss fit-titlu tagħha. Sostniet li Malta m’għandhiex kultura ta’ ppjanar imma kultura ta’ permessi.

Fil-ġimgħat li għaddew, Dr Portelli rriżenjat mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar għax fi kliemha “l-Awtorità ġiet maħkuma minn nies u forzi li qed jinjoraw għal kollox il-ġid komuni”.

Marthese Portelli tirriżenja mill-Awtorità tal-Ippjanar

Waqt Business Breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt fil-jiem li għaddew, Dr Portelli fissret li ninsabu f’punt kruċjali fejn għandhom jiġu riveduti l-policies abbażi ta’ viżjoni politika. Fost l-oħrajn semmiet dawk tal-iskyline, tal-arkitettura u tal-pajsaġġi. 

Irrimarkat li l-kelma ambjent għandha tifsira differenti għal nies differenti u li għaldaqstant il-punt tat-tluq mhux qed ikun definizzjoni waħda ta’ xi jfisser l-ambjent. “Irridu nitkellmu dwar l-ambjent b’mod olistiku – illum għandna policies li jieħdu ħsieb l-ambjent rurali, oħrajn li jieħdu ħsieb l-ambjent urban – dawn imorru kontra xulxin” kompliet tgħid Marthese Portelli.

Spjegat li meta bniedem jiġi biex jagħmel proġett, għandu l-għażla – “pick and choose, fejn l-ambjent jiġbed lejn naħa u l-ippjanar fuq naħa oħra”. Fi kliemha dejjem jispiċċa jirbaħ l-ippjanar sfrenat.

Dr Portelli qablet ma’ dak li qal il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera ftit qabel, li “dak li kien tajjeb ilbieraħ mhux bilfors tajjeb illum” u li “hemm bżonn li jittieħdu miżuri iebsa fost l-oħrajn billi tiġi indirizzata l-politika tal-inħawi barra ż-żoni ta’ żvilupp (ODZ)”.

Filmat: Dak li kien tajjeb ilbieraħ mhux bilfors tajjeb illum – Herrera

Fl-istess business breakfast l-ekonomista Gordon Cordina appella biex l-ekonomija titfassal b’mod li tagħti valur lill-ambjent, filwaqt li l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) Sandro Chetcuti saħaq li l-ewwel li għandu jsir hu li jitwarrbu l-egos, fi kliemu anke tiegħu stess. Il-President ta’ Din l-Art Ħelwa Prof. Alex Torpiano staqsa jekk aħniex lesti nieħdu azzjonijiet drastiċi biex nipproteġu l-ambjent.

Lesti nwaqqfu l-permessi għal iktar restoranti? – Prof. Torpiano

Il-Business Breakfast beda b’messaġġ awdjoviżiv mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Filmat: Bżonn tkabbir ekonomiku imma mhux a skapitu tal-ambjent – L-Arċisqof

Filmati: Sarah Salafia/Miguela Xuereb