“L-ipokresija tal-klikka korrotta ta’ Kastilja toħroġ mill-aġir ta’ Chris Cardona”

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-falzità u l-ipokresija tal-klikka korrotta ta’ Kastilja toħroġ mill-aġir ta’ Chris Cardona, li kien favur li jitneħħa l-mandat ta’ sekwestru, imma fl-istess ħin kien qed jiffriża l-assi tal-ġurnalista li kixfitu li kien f’burdell fil-Ġermanja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Beppe Fenech Adami qal li l-Ministru Cardona kkonferma li l-veru theddida għal-libertà tal-espressjoni hu l-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu, għax ħallih jagħmel il-mandati ta’ sekwestri fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem għax-Xandir, Clyde Puli sostna li l-aġir tal-Gvern kontra l-libertà tal-espressjoni hu gravi u ta’ min jikkundannah.
Sostna li l-Gvern, flok iwieġeb għall-mistoqsijiet li qed isirulu, u jippubblika l-kuntratti li suppost jippubblika, qed jinfexx f’attakk fuq il-ġurnalisti li qed jagħmlu l-mistoqsijiet u juża l-istazzjon nazzjonali biex jimmanipula l-verità.