L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni jitwieled mill-ġdid

L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni reġa’ fetaħ għall-pubbliku wara xhur magħluq minħabba xogħlijiet ta’ konservazzjoni li welldu mill-ġdid lil dan is-sit preistoriku.
Ix-xogħlijiet fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni mhux biss tejbu s-sistema tal-immaniġġjar tal-ambjent fis-sit, iżda wkoll il-faċilitajiet għall-viżitaturi.
Huwa stmat li fis-sena jżuru dan is-sit mat-30,000 persuna.
L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni – ċimiterju mħaffer taħt l-art li kien jintuża bejn 4000QK u 2500QK – hu wieħed mill-aktar siti straordinarji fid-dinja. Fil-fatt, l-UNESCO tqisu bħala xhieda unika ta’ ċivilizzazzjoni li ntilfet.
Is-sit hu magħmul minn sensiela ta’ kmamar imħaffra fil-blat fuq tliet livelli. Maqtugħa fil-blat, xi kmamar fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni jixbhu lill-binjiet megalitiċi li kienu jintużaw fl-istess żmien. Il-ħitan u s-soqfa ta’ xi kmamar tpittru b’żebgħa magħmula minn okra ħamra. Il-preservazzjoni ta’ dawn il-pitturi tibqa’ l-ikbar sfida fil-konservazzjoni ta’ dan is-sit.
Preżenti għall-ftuħ mill-ġdid kien hemm il-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici, li qal li matul din il-leġiżlazzjoni sar restawr fuq aktar minn 80 wirt storiku, b’nefqa totali ta’ aktar minn €85 miljun.
Il-pubbliku se jkun jista’ jibda jerġa’ jżur l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni mill-15 ta’ Mejju li ġej.
Il-proġett kien possibbli wara għotja mill-Iżlanda, minn Liechtenstein u min-Norveġja taħt il-Fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea 2009-2014.
Wieħed jista’ jikseb il-biljetti onlajn minn hawnhekk.
Ritratti: DOI – Jason Borg