L-investiment fl-edukazzjoni mhux rifless fir-riżultat – KE

Read in English.

Minkejja li Malta tinvesti ammont sostanzjali ta’ fondi fl-edukazzjoni u t-taħriġ dan mhuwiex rifless fir-riżultati miksuba. Din kienet waħda mill-osservazzjonijiet li sar fir-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea hekk kif ġie ppublikat il-pakkett tas-Semestru Ewropew tar-Rebbiegħa 2019, fejn inħarġu numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex l-Istati Membri jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklusiv.

Fir-rapport maħruġ dwar Malta, ġie nnutat kif l-istrateġija tal-investiment tibbenefika iktar jekk tkun iffukata biex l-iżvantaġġ soċjali jiġi kkoreġut. Il-Kummissjoni osservat li minkejja diversi miżuri biex tiġi indirizzata l-problema tal-early school leavers, ir-rata f’Malta għadha fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.

Ġie nnutat ukoll li minkejja miżuri li ttieħdu biex ikun hemm iktar inklussività fl-edukazzjoni terzjarja, ir-riżultati miksuba minn Malta baqgħu inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Il-parteċipazzjoni tal-adulti li jagħżlu li jkomplu jitgħallmu qed tiżdied iżda tibqa’ baxxa għal dawk li għandhom livell ta’ ħiliet baxxi.

L-ispiża relatata mal-pensjonijiet mistennija tiżdied

Il-Kummissjoni Ewropea nnutat kif l-ispiża relatata mal-pensjonijiet mistennija tiżdied u din se tkun qed toħloq riskju dwar kemm se jibqa’ sostenibbli fit-tul. Fir-rapport ġie osservat li l-ispiża pubblika relata mal-pensjonijiet u s-sistema ta’ kura tas-saħħa mistennija tiżdied b’ammont sostanzjali meta kkumparata mal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea dan jindika li hemm riskju li jiżdied id-dejn fit-tul. Ġie nnutat li l-Gvern ħa miżuri biex jiżdied l-ammont li l-persuna tibqa’ taħdem. Sal-2020 mistenni jiġi ppubblikat rapport mill-Grupp tal-Istrateġija għall-Pensjonijiet fejn se jsiru r-rakkomandazzjonijiet biex titjieb is-sistema tal-pensjonijiet biex b’hekk tkun iktar sostenibbli.

Malta ma għandiex strateġija fit-tul għall-kompetitività 

Il-Kummissjoni osservat kif Malta għadha ma waqfitx strateġija komprensiva u fit-tul għall-kompetitività. Saħqet li numru ta’ intrapriżi innovativi għadhom lura, filwaqt li r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiġu msaħħa biex b’hekk ikun hemm kontribut lejn it-tkabbir fil-produttività.

Saħqet ukoll li fid-dawl tal-aspirazzjonijiet ta’ Malta fil-qasam tal-block chain, għandu jkun hemm iktar investiment fil-kapaċità amministrattiva u superviżorja.

Fir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni Ewropea ssemma l-bżonn li tiġi assigurata s-sostenibbiltà fiskali tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet li jinkludu l-possibilità li tiġi ristretta l-età tal-irtirar kmieni kif ukoll li tiġi aġġustata l-età tal-irtirar skont kemm qed tiżdied l-istennija tal-għomor.