L-investiment bejn Malta u ċ-Ċina jista’ jsir fil-Greċja

Il-pajjiż ieħor Ewropew li fih se jsir investiment konġunt bejn Malta u ċ-Ċina jista’ jkun il-Greċja.
L-aħbar li Malta flimkien mal-Gvern Ċiniż se jinvestu f’pajjiż ieħor Ewropew kienet ingħatat waqt iż-żjara li l-Prim Minsitru Joseph Muscat għamel fiċ-Ċina. 
Sorsi qrib Kastilja li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li Malta, il-Greċja u Ċipru qed jaħdmu fuq ftehim imressaq mill-Prim Ministru Grieg Antonis Samaras biex flimkien jisfruttaw riżorsi marittimi, b’mod speċjali l-esporazzjoni tal-gas u ż-żejt.
Newsbook.com.mt irrapporta kif bl-approvazzjoni fil-Parlament tal-liġi li temenda l-Enemalta, kumpaniji tal-enerġija Ċiniżi jistgħu jitqabbdu fl-esplorazzjoni taż-żejt fil-baħar Malti.
Il-Greċja huwa l-ewwel pajjiż li l-baħar territorjali tiegħu imiss ma’ dak ta’ Malta.
Il-Greċja bħal Malta laħqet ftehim ma’ kumpaniji Ċiniżi għall-enerġija.
Is-sorsi qalu ma’ Newsbook.com.mt, li Malta u ċ-Ċina se jkunu qed jikkoperaw f’sorsi alternattivi għall-enerġija mix-xemx, bħall-pannelli fotovoltajiċi.
Ix-xahar li għadda, l-Greċja laħqet ftehim maċ-Ċina biex isir investiment kbir infrastrutturali, bil-kumpanija Ċiniża, Cosco Pacific tingħata konċessjoni ta’ 35 sena biex topera l-faċilitajiet tat-trasbord fil-port ta’ Pireus.
Dan il-ftehim intlaħaq waqt żjara ta’ tlett ijiem li għamel il-Prim Ministru Ċiniż fil-Greċja.