L-investigazzjonijiet tal-iskandlu VW estiżi għal 50 tip ta’ vettura ta’ 23 ditta

Ir-regulaturi tal-karozzi fil-Ġermanja qed jestendu l-investigazzjoni tagħhom dwar tbagħbis dwar l-emissjonijiet għal 50 mudelli ta’ vetturi minn 23 ditta differenti fosthom BMW, Mercedes, Ford, Volvo, Nissan u Land Rover.
Ir-regulatur qed jissuspetta li l-iskandlu ta’ tbagħbis fil-livell ta’ emissjonijiet reġistrati hu ferm iktar mifrux minn dak magħruf s’issa.
Sadattant sar magħruf li fl-Istati Uniti, Volkswagen qed toffri sa $1,000 (€930) lil sidien ta’ vetturi VW u Audi mbagħbsa, bħala kumpens.
Nofs il-flus iridu jintefqu għand il-grupp tal-kumpanija stess fi prodotti marbuta mal-karozzi.
Se jagħtuhom ukoll tliet snin assistenza b’xejn f’każ ta’ problemi fit-triq.
Għalkemm sidien qed jilqgħu l-offerta, ħafna qed iqisu li mhix se tkun biżżejjed biex trażżan dak li jrid il-Gvern Amerikan, li qed jistenna lil Volkswagen tixtri lura vetturi mbagħbsa.