“L-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali tikser id-drittijiet tal-bniedem” – Kummissarji Elettorali

Il-Partit Nazzjonalista qal li qam tħassib serju dwar l-investigazzjoni li se tagħmel il-Kummissjoni Elettorali dwar allegat ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Fi stqarrija l-PN qal li rċieva ittra mibgħuta minn erba’ Kummissjonarji Elettorali lill-President ta’ Malta, li fiha jsostnu li b’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni Elettorali se tikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif jirriżultaw mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. 
Il-każ jinkludi l-allegazzjonijiet li għamel il-Grupp db, li d-donazzjonijiet li ta lill-PN kienu saru f’forma ta’ ħlas b’fatturi maħruġa mill-kumpanija tal-midja tal-PN, Media.Link.
Il-Grupp db kien qal li qatt ma għamel reklami fuq il-midja tal-PN u għalhekk implika li l-fatturi maħruġa mill-PN kienu foloz.
Min-naħa tiegħu l-PN kien ċaħad u saħaq li r-relazzjoni bejn Media.Link u l-kumpaniji ta’ Silvio Debono kienu biss ta’ natura kummerċjali.
Il-PN qal li filwaqt li jaqbel li għandha ssir investigazzjoni fuq kull ilment li sar, mhux aċċettabbli li l-Kummissjoni tinvestiga u tiġġudika l-każ fl-istess ħin.
Saħaq li aktar u aktar meta l-maġġoranza tal-membri tal-Kummissjoni hija nnomata minn Joseph Muscat għax b’hekk il-Kummissjoni ma tista’ qatt tagħti garanzija ta’ imparzjalità. 
Temm jgħid li fid-dawl ta’ dawn l-żviluppi, il-Partit Nazzjonalista se jirriżerva d-dritt li jieħu kull pass neċessarju biex il-Kummissjoni Elettorali ma tiksirx il-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.