L-investigazzjoni ma teskludix li kien hemm abbuż fuq minuri f’Monte Carmeli

L-investigazzjoni li saret mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali ma teskludix, kif allegat mill-MUMN, li kien hemm każi ta' abbuż sesswali u vjolenza fuq il-minuri.

Tikkonkludi li l-istruttura preżenti tal-Young People's Unit (YPU) mhix suffiċjenti biex tħares l-interessi tal-adolexxenti li jridu jingħataw kura mentali.

Il-Kummissarju jgħid li hawn kunsens ġenerali li l-kura tal-minuri fis-swali mal-adulti mhix l-aħjar soluzzjoni.

Fir-rapport, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jinnota li t-tmexxija qed tiżviluppa strateġija li tipprovdi servizz għas-saħħa mentali aktar effettiv u effiċjenti lit-tfal u l-adolexxenti.

Il-Kummissarju jinnota wkoll li l-investigazzjoni mitluba mill-Ministeru għas-Saħħa, li saret fi żmien sebat ijiem, wasslet għal reviżjoni tal-każi kollha u wassal ukoll għal tnaqqis fin-numru tal-minuri li jingħataw il-kura fis-swali mal-adulti.

Fi stqarrija tal-Ministeru għas-Saħħa, jingħad li l-Ministeru qed jikkunsidra li dawn il-konklużjonijiet huma serji u mhux aċċettabbli u għalhekk jemmen li ma jistax jinħela aktar żmien biex is-sitwazzjoni titranġa.

Il-Ministru għas-Saħħa, Godfrey Farrugia diġa' ltaqa' ma' tfal u adolexxenti, filwaqt li mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Ministeru għall-Familja ġie ffurmat grupp magħmul minn erba' esperti sabiex jindikaw l-aħjar soluzzjoni biex tingħata l-kura lit-tfal u adolexxenti bi problemi ta' imġieba.

Dan il-grupp ta' esperti qed jitmexxa mill-Prof. Angela Abela.

Il-Ministeru sostna li se jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u dan fid-dawl li r-rakkomandazzjonijiet ilhom isiru f'diskussjonijiet mat-tmexxija tal-isptar Monte Carmeli għal dawn l-aħħar sentejn.