L-investigazzjoni dwar l-indħil Russu fl-elezzjoni Amerikana tieħu żvolta serjissima

Issejħet dik li fl-Istati Uniti tissejjaħ grand jury, ġurija ta’ livell għoli ħafna, minn kunsill speċjali li qed jinvestiga l-allegat indħil mir-Russja fl-elezzjonijiet tas-sena l-oħra, li raw lil Trump isir il-president il-ġdid wara Obama.
Il-midja Amerikana qed tirrapporta li dan huwa l-ewwel pass serju sabiex jittieħdu passi kriminali fl-inkjesta li qed titmexxa minn Robert Mueller.
Fil-fatt, il-ġurija talbt li tinħareġ subpoena dwar il-laqgħa li kien hemm f’Ġunju li għadda bejn iben Trump u avukata Russa. Subpoena hija l-kelma teknika għal taħrika biex wieħed jidher quddiem il-Qorti.
Fl-Amerka, din it-tip ta’ ġurija tistabbilixxi jekk l-evidenza dwar il-każ imressaq quddiemha għandhiex sustanza biżżejjed biex jiġi skattat proċess kriminali.
Il-persuni li jkunu jiffurmaw il-grupp ta’ ġurati jkunu persuni komuni, u skont ix-xhieda tagħhom il-prosekutur joħroġ is-subpoenas.
Madankollu il-ġurija ta’ livell għoli mhux xogħolha li tiddeċiedi jekk l-akkużat huwiex ħati jew le.
Sadanittant, il-President Amerikan dejjem ċaħad li hu jew xi ħadd mit-tim tiegħu ħadem ma’ xi ħadd mill-Kremlin biex jirbaħ l-elezzjoni, kif ukoll sejjaħ l-inkjesta tal-eks direttur tal-FBI bħala “inkjesta għas-sħaħar”. 
Fir-ritratt: l-eks direttur tal-FBI, Robert Mueller (lemin)