L-inugwaljanza moħbija fil-Mauritius

Il-logo li qed jintuża għal din iż-żjara tal-Papa bħala Pellegrin tal-Paċi

Fid-9 ta’ Settembru Papa Franġisku jasal fil-Mauritius, it-tielet pajjiż li se jżur f’dan il-vjaġġ apostoliku. Hawnhekk se jdum tmien siegħat, qabel jirritorna lejn Ruma.

Anke l-Mauritius hi gżira nazzjon, bil-kapitali tagħha Port Louis. Il-popolazzjoni hi relattivament żgħira – 1.2 miljun persuna. Nofs dawn huma Hinduterz insara u 17% Musulmani.  Din il-gżira għandha ekonomija tajba ħafna u anke libertà polotika.

Il-Mauritius hi gżira sabiħa,  il-poplu akkoljenti u ħabib u anke jekk ma tantx hemm riżorsi naturali, il-pajjiż hu sinjur minħabba d-diversità tal-poplu tiegħu għax bħala komunità żgħira, kulħadd jieħu ħsieb lil kulħadd.

Gżira maħkuma għal ħafna snin

Il-multi-kulturaliżmu tal-pajjiż ġej mill-fatt li l-gżira għal ħafna żmien kienet maħkuma mill-Olandiżi, il-Franċiżi u anke l-Ingliżi. Il-preżenza tal-Hindu ġejja minn żmien l-Ingliżi meta dawn kienu ħadu fil-pajjiż mijiet ta’ eluf ta’ Indjani u offrewlhom ‘cheap labour’. Sakemm l-iskjavitu kienet abolita fl-1835, kien hemm ukoll skjavi mill-Mozambique.

Billi l-gżira hi żgħira ħafna, il-poplu hu grat li minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, il-Papa xorta se jmur iżurhom bħala Pellegrin tal-Paċi.

Meta tkellem ma’ Vatican News dwar dan il-vjaġġ, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin qal li l-kompożizzjoni multi-etnika, multi-reliġjuża u multi-kulturali tal-pajjiż hi eżempju klassiku ta’ dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ il-“Kultura tal-Laqgħa” u dwar dan il-Papa żgur li jitkellem.

Il-pilastri ekonomiċi tal-pajjiż huma l-manifattura, is-servizzi finanzjarji, it-turiżmu u t-tekonoloġija tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni. Il-pajjiż joffri servizzi tas-saħħa u edukazzjoni bla ħlas, u transport pubbliku bla ħlas għall-istudenti, l-anzjani u persuni b’diżabilità.

Uffiċjalment, id-dħul minn ras għal ras għal kull persuna hu f’medja ta’ $20,000, iżda ħafna jsostnu li dan hu ferm anqas u aktar qrib il-$5000 fis-sena. Din id-differenza turi li fil-verità l-attività ekonomika ewlenija hi li l-pajjiż iservi bħala ‘tax haven għas-sinjuri barranin.

Kontribut kbir mill-Knisja

Madankollu din il-gżira ma tikkwalifikax bħala waħda sinjura. Fiha hemm ħafna illitteriżmu u nies jgħixu taħt  soqfa tal-landa. Madwar 10% tal-popolazzjoni tgħix fil-faqar u madwar 30% tal-istudenti jitilqu mill-iskola primarja kull sena.

Il-Knisja Kattolika tat kontribut kbir għall-iżvilupp tal-pajjiż partikolarment fil-qasam tal-edukazzjoni u l-iżvilupp soċjali.

F’dan il-pajjiż, il-Papa Franġisku barra laqgħat mal-awtoritajiet lokali, mistenni jiċċelebra Quddiesa u jżur is-Santwarju ta’ Pere Bienheureux Laval, missjunarju Franċiż li għex madwar 150 sena ilu. Minħabba l-ħidma tiegħu bla waqfien biex jgħin lill-foqra u l-morda, hu msejjaħ l-‘Appostlu ta’ Mauritius’ u għadu maħbub ħafna u popolari sal-lum.