L-introduzzjoni tal-kumpanija Alibaba f’Malta

“Il-kumpanija Alibaba tista’ tkun ta’ kontribut importanti għall-istrateġija ta’ pajjiżna dwar l-ecommerce fl-istess waqt li tgħin lill-investituri lokali u internazzjonali jżidu l-viżibilità tagħhom fuq livell globali”, qal is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri meta kien qed jindirizza attività li matulha l-kumpanija Alibaba ġiet introdotta mal-industrija Maltija.
Silvio Schembri spjega li Alibaba Cloud International għandha l-għodod neċessarji biex tgħin kumpaniji li jixtiequ jagħmlu użu mill-opportunitajiet diġitali. “Il-preżenza ta’ Alibaba Cloud turi li x-xogħol li sar fl-ekonomija diġitali qed jattira l-interess ta’ kumpaniji kbar li jixtiequ jkollhom preżenza f’pajjiżna”.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għal-Logħob Joseph Cuschieri esprima sodisfazzjon li Alibaba Group għażlet li tipparteċipa fl-iżvilupp teknoloġiku ta’ pajjiżna. “Bit-teknoloġija tal-ogħla livell, pjattaformi avvanzati fit-teknoloġija cloud, soluzzjonijiet teknoloġiċi u kapaċitajiet formidabbli fl-intelliġenza artifiċjali, żgur li se jsaħħu l-ekosistema Maltija li se tkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-industrija tal-gaming imma wkoll għall-ekonomija diġitali”, qal Joseph Cuschieri. 
Yeming Wang, il-General Manager ta’ Alibaba Cloud International, qal li Alibaba tqis l-industrija Maltija bħala unika għax il-gvern dejjem lest biex jisma’ lin-negozji u biex isaħħaħ l-innovazzjoni. Alibaba f’Malta tixtieq tkun ta’ kontribut permezz tal-pjattaformi teknoloġiċi li toffri u li jikkumplimentaw l-innovazzjoni ekonomika.
‘The Alibaba Technology Networking Event’ serviet ta’ opportunità biex il-kumpanija Alibaba tintroduċi lilha nnifisha mal-industrija Maltija u biex tispjega l-intenzjonijiet tagħha sabiex fil-futur ikun hemm kollaborazzjoni mal-Gvern Malti u mal-industrija lokali. Alibaba hi kumpanija ta’ fama mondjali magħrufa għas-servizzi li tagħti fuq livell globali f’dak li għandu x’jaqsam teknoloġija cloud.