L-intervista tal-PM ma tfissirx li tistgħu tiksru l-liġi – MPA

Miguela Xuereb

L-Assoċjazzjoni Maltij tal-Pulizija (MPA) saħqet li d-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ ma jippermettix li l-pubbliku jista jikser il-liġi.

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-MPA qalet li rċeviet informazzjoni li tgħid li diversi uffiċjali tal-Pulizija qed jgħaddu minn theddid minn diversi persuni li jkunu mwaqqfa jew mitkellma għax ikunu qed jiksru l-Avviżi Legali impost fuq il-poplu minħabba l-pandemija.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Abela kkritika lil dawk li allega li qed ibeżżgħu bit-tieni mewġa. Abela qal li l-mewġ fil-baħar qiegħed u li l-aħħar ħaġa li jistgħu jagħmlu n-nies hi li jmorru u jgawdu l-baħar. Qal li għandhom iżommu d-distanza minn xulxin. Abela qal ukoll li wieħed m’għandux iżomm lin-nies kastigati d-dar jekk l-evidenza xjentifika tgħid li m’hemmx għalfejn isir hekk.

Min-naħa l-oħra, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u diversi esperti tkellmu regolarment dwar il-periklu li jiġi jekk ikun hawn it-tieni mewġa ta’ coronavirus.

Min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni insistiet li l-ksur ta’ liġi jieqaf biss ladarba jinħareġ Avviż Legali ieħor li jkun qiegħed b’mod awtomatiku jelimina dak preċedenti u mhux wara li tkun saret xi intervista fuq it-televiżjoni jew fuq il-midja soċjali. Kompliet billi appellat lill-awtoritajiet biex meta jagħmlu intervisti simili, jappellaw biex il-pubbliku jistenna l-ħruġ tal-avviżi legali qabel ma jibdel il-mod ta’ kif jaġixxi.

Mijiet ta’ persuni lbieraħ marru l-baħar minkejja li esperti qed jgħidu li d-dinja għadha qed taffaċċja t-theddida li tintlaqat mill-hekk imsejħa “tieni mewġa” tal-coronavirus. Filmat u ritratti li rċieva Newsbook.com.mt juri għadd ta’ persuni f’diversi bajjiet madwar Malta u Għawdex. Dawn ittieħdu lbieraħ.

Filwaqt li esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-mod kif ċertu persuni qed iġibu ruħhom mal-pulizija li kienu strumentali biex jinżamm kontroll fuq il-pandemija, ikkundannat kull tip ta’ theddid, kemm fiżiku u kemm verbali. Fakkret li l-pulizija qed jaqdu dmirijiethom għall-ġid tal-poplu stess.

Intant qalet li qed tittama li dawn l-individwi jitressqu l-Qorti ladarba din terġa’ tibda tiffunzjona.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn