L-intervista tal-ġimgħa maċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Michael Briguglio

GĦADA FUQ NEWSBOOK: Fl-intervista tal-ġimgħa, Michael Briguglio jitkellem dwar il-kitba kollettiva tal-Manifest Elettorali tal-partit immexxi minnu u jispjega għaliex jistqarru li ma’ Alternattiva Demokratika kulħadd jaf fejn qiegħed. Fi kliemu, hu Manifest li tfassal wara ħafna konsultazzjoni. Mitlub jitkellem dwar xenarju fejn AD ikollha l-fiduċja tal-poplu msarrfa f’siġġu fil-Parlament, Briguglio qal li jkun lest jinnegozja ma’ kull partit f’eventwalita ta’ koalizzjoni. F’koalizzjoni jew fin-nuqqas tagħha, iddikjara li AD tipproponi l-policies tagħha.

Fl-intervista, Briguglio jiġi ffaċjat bi proposti tal-AD bħaż-żjieda fil-leave tal-maternita, introduzzjoni ta’ leave għall-missirijiet, tnaqqis fil-VAT għal oġetti essenzjali, eċċ. Jiġi mistoqsi jekk dawn u proposti oħra jagħmlux lil AD partit bi proposti ala Father Christmas, akkuża li AD għamel lill-partiti politiċi l-oħra.

Iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Michael Briguglio, jistqarr li l-partit immexxi minnu ma jaqbilx mal-kwistjoni tal-costings kif għamlu l-PN u l-PL. Jiddeskriviha bħala gimmick elettorali u jgħid għaliex. Jispjega wkoll il-proposta dwar id-dekriminalizzazzjoni tad-droga u jwieġeb jekk iridux li ssir iżjed ħsara fost il-vittmi tad-droga. U dwar il-bidliet fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, x’valur tagħti Alternattiva Demokratika lill-Knisja Kattolika u l-ħidma li din twettaq fis-soċjeta Maltija?

U x’jiġri jekk AD jerġa ma jsibx postu fil-Parlament wara d-9 ta’ Marzu li ġej? Jibqa’ vijabbli li l-partit jibqa’ attiv?

Michael Briguglio jwieġeb dawn u iktar mistoqsijiet fl-intervista sħiħa li għamillu l-ġurnalist Karl Wright. L-intervista tkun aċċessibbli fuq newsbook.com.mt għada filgħodu.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.