L-intervista tal-ġimgħa ma’ ‘tobba buffi’

GĦADA FUQ NEWSBOOK: Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Karl Wright jiltaqa’ ma’ Dr Buttons u Dr Oopsie dwar ix-xogħol volontarju li jwettqu ma’ madwar 20 ‘tobba buffi’ oħra biex iferrħu lit-tfal morda fl-isptar Mater Dei.
Mill-kabina ta’ Dr Klown Malta, jaqsmu magħna l-esperjenza tagħhom, bil-ferħ u bin-niket li ġġib magħha. Jgħidulna li l-motto tagħhom hu li jżuru kull tifel u tifla darba f’ġimgħa u li jferrħu mhux biss lilhom imma anki l-familji tagħhom.
It-‘tobba buffi’ jintalbu jispjegaw fiex jikkonsisti t-taħriġ li jieħdu u kif ipoġġuh fil-prattika mat-tfal morda meta tnejn tnejn, imorru fis-swali biex iferrħuhom.
Iwieġbu wkoll dwar il-ħtieġa li jħossu għal għajnuna terapewtika għalihom stess, partikolarment minħabba n-negattività li jġib il-mard li jiltaqgħu miegħu fuq it-tfal.
Dr Happy, karattru ieħor fost it-‘tobba buffi’, tispjega kif din l-organizzazzjoni non-governattiva tiġbor u tuża l-flus biex dan il-proġett jibqa’ jirnexxi billi jnissel tbissima fuq dawk milquta mill-mard fl-isptar.