‘L-intervista ta’ Anġlu Farrugia tqajjem ħafna dubji, Dr Muscat għandu jwieġeb’ – Dr Gonzi

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Lawrence Gonzi, ddeskriva lil eks deputat mexxej Laburista Dr Anġlu Farrugia bħala avversarju politiku leali.

Huwa qal li l-intervista ta’ Farrugia fuq kif intalab jirriżenja, turi li l-valuri tal-Partit Laburista tbiddlu, u li b’konsegwenza ta’ dan m’għadux il-partit tal-ħaddiema.

Dr Gonzi qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li ffukat fuq il-proposti tal-PN dwar l-anzjani. Hu sostna kif diversi proposti li ħarġu waqt din il-kampanja elettorali, speċjalment dak li għandhom x’jaqsam mal-ambjent u mal-enerġija, iqajmu ħafna dubji.

Il-kap Nazzjonalista kompla jgħid li Dr Joseph Muscat għandu responsabiltà morali li jagħti t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet.