L-interpretu li se jkollu l-Papa fil-Ġappun hu ex-student tiegħu

Fr Renzo De Luca SJ mal-Papa Franġisku f’Marzu 2014

Il-Papa Franġisku se jkollu interpretu speċjali biex jgħinu waqt il-vjaġġ tiegħu fil-Ġappun aktar tard dan ix-xahar. Il-providenza riedet li dan ikun Fr. Renzo De Luca, ġiżwita.

Fr Jorge Bergoglio, illum Papa Franġisku kien ir-Ġiżwiti fejn Fr De Luca kien jistudja fl-Arġentina qabel intbagħat bħala missjunarju fil-Ġappun.

Issa, 35 sena wara, Fr Renzo hu s-Superjur Provinċjli tal-Ġiżwiti fil-Ġappun u se jkun hu li qed jittraduċi kull kelma li jgħid il-Papa għal-lingwa Ġappuniżi biex jifhimha l-poplu ta dan il-pajjiż.

F’intervista mar-Radju tal-Vatikan, patri De Luca, mistoqsi jekk hux qed iħossu nervuż minħabba dan l-inkarigu, qal li ma tantx. Fl-aħħar sitt snin iltaqa’ darbtejn mal-Papa u meta jkun miegħu jħossu qiegħed ma’ xi ħadd tad-dar. Fl-aħħar laqgħa li kellhom f’Santa Marta kienu qishom żewġt iħbieb antiki.

“Meta ltqajna qalli, ‘Hello Renzo’ u jien għidtlu ‘Hello Jorge! Kif int?” u qagħdna għal ħafna ħin flimkien bla ebda protokoll jew restrizzjonijiet”.

Imma kif tħossok li se tagħmilha ta’ interpret għall-Papa?, kien mistoqsi l-patri u hu wieġeb: “Għal dik li hi traduzzjoni ma nafx kemm se jkolli x’nagħmel dak il-ħin.  Imma jien ferħan u onorat li se nagħmel dan ix-xogħol”.

Matul iż-żjara l-Papa se jkun qed jitkellem bl-Ispanjol u forsi jagħmel xi rimarki spontanji, kif soltu jagħmel.

Il-media Ġappuniża

Fr Renzo qal li hu u xi Kattoliċi oħra huma mistagħġba kemm qed tingħata mportanza fil-media Ġappuniża iż-żjara tal-Papa. Kellu ħafna talbiet għal intervisti tant li hu u Ġiżwita ieħor Arġentin kellhom jagħmlu konferenza stampa li għaliha attendew aktar minn 38 rappreżentanti ta’ media differenti, fosthom l-istazzjon tax-xandir nazzjonali, l-NHK u l-ġurnal nazzjonali, Yomiuri Shimbun.

“Ħafna nies huma nteressati ħafna fiż-żjara u qed isegwu dak li qed jgħid il-Papa u fejn qed imur. Hawn stennija kbira ħafna”.

Patri De Luca qal li l-poplu fil-Ġappun huma anzjużi dwar dak li se jgħid il-Papa f’pajjiż li mhux Kattoliku u x’se jgħid dwar il-paċi, l-enerġija atomika u d-disarm nukleari – suġġetti li għal dan il-pajjiż huma important ħafna.

Jibdel l-imħuħ u l-qlub

Il-Papa Franġisku se jkun qed jimxi fuq il-passi tal-predeċessur tiegħu, San Ġwanni Pawlu II li kien żar il-Ġappun fi Frar tal-1981. Dik iż-żjara kienet bidlet il-mod kif il-poplu Ġappuniż iħares lejn il-Knisja Kattolika.

Wieħed jistenna li din iż-żjara tal-Papa Franġisku tħalli impatt simili. Kollox jiddependi mill-messaġġ li l-Papa se jagħti dwar “l-imigrazzjoni, il-piena tal-mewt u r-rata għolja ta’ suwiċidji li hawn fil-pajjiż”.