L-Interpol twissi kontra vaċċini foloz tal-coronavirus

Read in English.

L-Interpol wissiet li hemm organizzazzjonijiet kriminali se jkollhom fil-mira tagħhom il-vaċċin kontra tal-Covid-19. Dawn l-organizzazzjonijiet kriminali mistennija jbigħu vaċċini li huma foloz.

L-interpol ippubblikat twissija globali madwar il-194 pajjiż membru u żiedu li l-mira ta’ dawn l-organizzazzjonijiet se tkun kemm b’mod fiżiku kif ukoll online.

Bid-domanda li dejjem qed tikber għall-protezzjoni personali u għall-prodotti iġeniċi, dawn il-kriminali qed jippruvaw jagħmlu qligħ billi jbigħu prodotti mhux ta’ standard għoli jew foloz. Dawn il-prodotti jinkludu maskri kif ukoll mediċina kontra l-coronavirus.

L-Interpol wissiet li meta wieħed jixtri dawn il-prodotti ma jkunx jaf x’tip ta’ mediċina qiegħed jikkonsma u dan jista’ jkun ta’ periklu għas-saħħa. Żiedu li issa li l-pajjiżi qed jiffukaw biex jibdew jirċievu l-vaċċin, dawn l-organizzazzjonijiet kriminali qed jippjanaw li jidħlu fis-suq.

L-organizzazzjonijiet kriminali se jiffukaw ukoll fuq persuni fil-pubbliku permezz ta’ siti foloz. Huma wissew li jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa tal-persuna.