“L-Interpol tirtira l-mandat ta’ arrest ta’ Efimova” – Ministru Ċiprijott

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiprijott Ionas Nicolaou qal li l-Interpol irtirat il-mandat ta’ arrest kontra Maria Efimova, il-whistleblower fil-każ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Efimova tat lilha nnifisha f’idejn l-awtoritajiet Griegi tmient ijiem ilu.
Il-Ministru semma kif Ċipru ma kellu l-ebda involvement f’dan u fakkar kif il-mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Efimova kien ħareġ sena ilu, wara li kumpanija f’Ċipru li kienet timpjegaha allegat li kien hemm tbagħbis ta’ fondi. Madankollu l-Ministru ippreċiża li l-mandat ma ġiex rifjutat mill-Interpol, għax dan qatt ma ġie sottomess għall-approvazzjoni. 
Rapport fil-ġurnal Cyprus Business Mail ħabbar dan hekk kif semma li t-Tlieta li għadda, attivisti Maltin inġabru quddiem l-Ambaxxata Griega f’Ta’ Xbiex jitolbu għas-sigurtà ta’ Efimova.
L-istess rapport isemmi kif l-awtoritajiet Maltin ħarġu mandat ta’ arrest doppju kontra Maria Efimova dwar allegati frodi ta’ €5,000 u defamazzjoni ta’ uffiċjali.
Iċ-Chairman u s-sid ta’ Pilatus Bank Ali Sadr kien arrestat mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fl-istess jum li Efimova marret għand il-Pulizija Griega minn jeddha.
Alexandros Papasteriopoulos, l-avukat ta’ Efimova qal li l-Interpol irrifjutaw it-tentattiv ta’ Ċipru biex jibdel l-arrest nazzjonali f’wieħed Ewropew għax dan il-każ tqies bħala “politiku”. L-avukat tagħha sostna li Efimova mhijiex eliġibbli għall-ażil għax mhijiex taffronta prosekuzzjoni politika f’darha.
Is-Sibt li għadda, l-MEP xellugi Grieg Stelios Kouloglou qal li l-whistleblower Russa Maria Efimova se tiġġieled kontra l-eventwalità li tiġi estradita lejn Malta.