L-Internet madwar id-dinja jaffaċċja l-ikbar attakk virtwali fl-istorja

Is-servizz tal-internet madwar id-dinja qiegħed jaffaċċja waħda mill-ikbar sfidi fl-istorja riċenti hekk kif attakk virtwali fuq kumpanija Olandiża qed jikkawża dewmien kbir fl-operat ta’ numru ta’ siti elettroniċi kbar madwar id-dinja.

Kollox beda wara li l-kumpanija Olandiża ‘SpamHaus’ li tissuplixxi lill-numru kbir ta’ fornituri tal-internet, is-servizz ta’ kontroll fuq ‘spam’, ibblokjat kumpanija ta’ web hosting. Il-Kumpanija ‘SpamHaus’ ħadet dan il-pass għax skont hi il-kumpanija ta’ ‘web hosting’ ‘CyberBunker’ kienet qed tibgħat ħafna informazzjoni meqjusa bħala ‘spam’ għal skopijiet ħżiena. Il-kumpanija ‘CyberBunker’ minn naħa tagħha irritaljat billi bagħtet numru kbir ta’ dak li jissejjaħ ‘data traffic’ lejn is-‘servers’ tal-kumpanija Olandiża.

Ġie rrapurtat li dan l-attakk huwa l-ikbar wieħed fl-istorja b’kull attakk ilaħħaq mat-300 gigabit fis-sekonda. Il-kumpanija ‘SpamHaus’ għandha ‘l fuq minn 80 ‘server’ madwar id-dinja.