“L-internet jista jnaqqas id-differenzi soċjali u ekonomiċi”

Fi tmiem il-Forum għall-Governanza tal-Internet ġiet iffirmata dikjarazzjoni konġunta li tiddikjara li l-internet huwa parti mill-ġid komuni u li l-governanza tajba tiegħu tqarreb id-differenzi soċjali u ekonomiċi li hawn fid-dinja.
Għal dan il-Forum ipparteċipaw fost l-oħrajn il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Andrus Ansip, li huwa responsabbli mis-Suq Diġitali Ewropew u l-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia.
It-tema tal-forum organizzat min-Nazzjonijiet Magħquda kellu t-tema ‘L-evoluzzjoni tal-governanza tal-internet.
Membri mid-delegazzjoni Ewropea tkellmu fuq il-bżonn li l-internet ikun miftuħ u indipendenti bħala riżors uman globali, filwaqt li saret referenza għas-sigurtà u s-cybercime.
Fil-kummenti tagħha, Therese Comodini Cachia tkellmet dwar l-importanza li jiġi assigurat li l-governanza tal-internet ikollha approċċ komprensiv li jiġbor fi ħdanu l-partijiet kollha interessati.
Tkellmet ukoll fuq azzjoni favur is-sigurtà biex ikun hemm protezzjoni mill-kriminalità u l-ibbuljar onlajn.