L-interessi ekonomiċi tas-sinjuri qed jingħataw aktar importanza mill-ġid komuni – FOTEM

L-għaqda Friends of the Earth Malta (FOTEM) ħarġet serje ta’ mistoqsijiet indirizzati lejn il-Membri Ewro Parlamentari Maltin. Il-mistoqsijiet ħarġu minn laqgħa li saret mal-pubbliku fejn qasmu l-ħsibijiet u l-preokkupazzjonijiet tagħhom dwar kif il-valuri etiċi tal-Ewropa jistgħu jissaħħu. Fost il-valuri etiċi diskussi kien hemm, id-demokrazika u t-trasparenza, il-ġustizzja soċjali u ambjentali, id-drittijiet umani, ir-rule of law, l-ugwaljanza u s-solidarjetà.

Friends of the Earth qalu li l-fondazzjoni tal-Unjoni Ewropea hija waħda mill-aktar proġetti impressjonanti li saru biex tinżamm il-paċi fl-Istorja moderna. Minkejja dan, huma stqarrew li ċertu deċiżjonijiet meħuda mill-Unjoni Ewropea marru kontra l-valuri fil-qalba tal-istess Unjoni Ewropea. In-nies qed iħossu li l-interessi ekonomiċi u dawk finanzjarji tas-sinjur qed jingħataw aktar importanza mill-ġid komuni.

Ikel, agrikultura u l-biodiversità

L-Unjoni Ewropea ikkommettiet ruħha biex twaqqaf it-telf tal-biodiversità, kif ukoll li taqta’ għal kollox is-sajd bla rażan u d-deforestazzjoni sal-2020. Filwaqt li sar ftit li xejn progress dwar dan kollu, Friends of the Earth qalet li speċi differenti ta’ annimali u pjanti qed ikomplu jisparixxu minn wiċċ id-dinja minħabba fost l-oħrajn żviluppi fl-infrastruttura u t-tibdil fil-klima.

Fost dak li qed isaqsu, FOTEM qalu li:

  • Hemm bżonn ta’ aktar sapport għall-biedja fuq skala żgħira u għall-bdiewa żgħar fl-età u dawk li għadhom jibdew.
  • Trid tissaħħaħ il-junjin tal-bdiewa – biex ikun żgurat li l-bdiewa staġunali ma jiġux abbużati.
  • Hemm bżonn ta’ regulazzjoni u fondi għal siti ta’ Natura 2000.

Tibdil fil-klima u l-enerġija

Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-Ewropa qablet li tilħaq il-limitu tat-temperatura globali b’żieda massima ta’ 1.5 ̊c. Biex dan jintlaħaq, hemm bżonn li sal 2030 tiżdied l-urġenza li jitnaqqsu l-emmisjonijiet li qed jikkawżaw il-greenhouse gas, kif ukoll jittieħdu miżuri biex tibda tintuża aktar l-enerġija rinnovabbli.

Għal din is-sezzjoni, FOTEM qed jitolbu biex:

  • Ikunu promossi l-alternattivi tal-enerġija tar-riħ anka fuq skali żgħar, iġifieri introduzzjoni ta’ din l-alternattiva fid-djar.
  • Aktar riċerka u riżorsi lejn l-idroġenu, u sistemi ta’ ħażna ta’ enerġija li ma joħolqux sett ta’ problemi ambjentali u soċjali.

Skart u użu ta’ riżorsi
Il-kultura tar-rimi fl-Ewropa qed tiggrava l-inugwaljanzi soċjali, thedded is-saħħa pubblika u t-tnaqqis riżorsi dinjija. Il-koordinazzjoni ħażina bejn liġijiet dwar il-kimiċi, il-prodotti u l-iskart ifixkel il-protezzjoni ta’ ċikli ta’ materjali minn kimiċi tossiċi. L-UE teħtieġ politika koerenti għal tnaqqis fl-iskart u tippromovi l-użu ta’ oġġetti li huma ddisinjati mingħajr tossiċi.

Fost dak li qed jitolbu hemm:

  • Biex ikun inkoraġġut l-użu ta’ tazzi u fliexken li jistgħu jerġgħu jintużaw.
  • Indirizz lejn il-kwistjoni tal-iskart tal-ikel, hekk kif l-ispiża tal-iskart tal-ikel fl-UE hija stmata li tilħaq il-€143 biljun kull sena, li hu ekwivalenti għall-baġit operattiv annwali tal-UE.

L-Ilma

Minbarra li Malta hija l-aktar pajjiż fqir fl-ilma mill-Unjoni Ewropea, qegħda wkoll fost l-għaxar pajjiżi li għandhom nuqqas ta’ ilma fid-dinja. Billi l-ilma mtella’ minn taħt l-art huwa l-uniku sors naturali ta’ ilma tajjeb għax-xorb fil-Gżejjer Maltin, l-estrazzjoni żejda tiegħu qed tpoġġi fil-periklu din ir-riżorsa.

FOTEM qed jitolbu li fost l-oħrajna:

  • Jinħoloq standard madwar l-UE kollha biex l-industriji jużaw ilma li jkun diġà intuża u toħloq qafas legali għal dan.

It-Trasport

Il-Parlament Ewropew li jmiss għandu joħlog regolazzjonijiet biex jelimina l-inkwinanti, l-istorbju u l-emissjonijiet tas-CO2, b’mod partikolari billi toħloq strateġija li tpoġġi l-Ewropa fuq quddiem b’emissjonijiet żero.

FOTEM qed titlob li fost l-oħrajn:

  • Li jingħataw it-toroq lura lill-poplu
  • Inizjattiva biex it-trasport pubbliku jingħata b’xejn