“L-interess nazzjonali tipproteġih bil-fatti u mhux b’aġir kundannabbli” – Bonnici

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-interess nazzjonali tipproteġih bil-fatti u mhux b’aġir kundannabbli.
Dalgħodu fil-Parlament, il-membri ddiskutew ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-ħasil ta' flus.
Semma li l-Partit Laburista ta impetu ġdid biex Malta timxi ‘l quddiem fl-Unjoni Ewropea. Fost il-bidliet legali f’Malta taħt amministrazzjoni Laburista, Bonnici semma l-libell kriminali u l-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Appella lill-ġudikatura biex tikkonkludi l-inkjesti li għaddejjin bħalissa mill-Qrati biex jingħata messaġġ li l-investigazzjonijiet f’każijiet maġġuri qed isiru.
Qal li l-kritika li kienet issir mill-Oppożizzjoni lejn l-Avukat Ġenerali naqset u temm id-diskors tiegħu billi qal li “Malta għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox”.
Il-Ministru Scicluna jitkellem dwar l-investiment
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna tkellem dwar dawk li jinvestu f’Malta. Qal li huma l-mijiet li jinvestu f’Malta u li jiftaħru b’Malta. Semma wkoll iż-żieda fit-turisti li jiġu Malta u qal li dawn huma kuntenti b’Malta.
Saħaq li skont hu, dan kollu huwa xhieda li l-istituzzjonijiet f’Malta huma b’saħħithom u huma siguri.
Spjega kif il-Membri tal-Oppożizzjoni “ħadmu kemm felħu” biex isiru rapporti dwar Malta. Qal li fi żmienu fil-Parlament Ewropew qatt ma saru investigazzjonijiet li l-MEPs jagħmluha ta’ investigaturi u skont il-Ministru jkunu jippretendu li tittieħed deċiżjoni abbażi tar-rapporti li jagħmlu fil-Parlament Ewropew.
“Il-Prim Ministru mar minn jheddu għand il-Maġistrat” – Bedingfield
Id-deputat tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li s-seduta dedikata għall-Oppożizzjoni qabel kienet tintgħażel mill-Ispeaker iżda Gvern Laburista kkonċeda dan id-dritt lill-partit fl-Oppożizzjoni.
Saħaq li l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qatt ma jigdeb u ma jibżax jgħid il-verità.
Semma kif il-PM mar minn jheddu għand il-Maġistrat biex jinvestiga l-allegazzjoni li Egrant hija tal-mara tiegħu.
Dwar il-whistleblowers, Bedinfield qal li l-Oppożizzjoni ma tafx x’inhi għax spjega li f’25 sena fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista qatt ma daħħal liġi għall-whistleblowers.
Fl-istess dibattitu, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina allega li Ali Sadr kien se jidħol fl-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta biex jibni l-akkomodazzjoni soċjali.